Lokali

Ġuvni fil-periklu tal-mewt u tnejn oħra bi ġrieħi gravi

Ritratt: Martin Agius

Ġuvni ta’ 18-il sena qed jissielet għal ħajtu filwaqt li tfajla ta’ 22 sena u ġuvni ieħor ta’ 21 sena qed isofru ġrieħi gravi wara inċident tat-traffiku.

L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ 23.45 meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq il-Wied, is-Siġġiewi.

Il-Pulizija tad-Distrett marru fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li ġuvni ta’ 23 sena residenti San Ġwann tilef il-kontroll tal-vettura Mazda Demio li kien qed isuq u ħabat ġo ħajt.

Fil-vettura kien hemm ukoll t-tfajla ta’ 22 sena residenti Ħ’Attard, l-ġuvni ta’ 18-il sena residenti l-Ħamrun u ieħor ta’ 21 sena residenti Ħaż-Żebbuġ.

Fuq il-post marru l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei li ta l-ewwel għajnuna.

It-tliet passiġġieri ttieħdu b’ambulanza l-Isptar fejn ġew iċċertifikati li dak ta’ 18-il sena qed isofri ġrieħi serji filwaqt li t-tfajla ta’ 22 sena u l-ġuvni ta’ 21 sena qed isofru ġrieħi gravi.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa li fetaħ Inkjesta Maġisterjali filwaqt li linvestigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.