Lokali

Il-Moviment Graffitti jappella kontra l-qlugħ tas-siġar f’Ħad Dingli

Il-Moviment Graffitti, flimkien ma’ bdiewa u residenti tal-lokal, intensifika l-azzjonijiet tiegħu f’Ħad Dingli billi ressaq appell quddiem l-EPRT fil-konfront ta’ deċiżjoni tal-ERA li ħarġet permess għall-qlugħ ta’ żewġ siġriet maturi, biex Infrastructure Malta tkun tista’ tibni triq fuq art agrikola f’ODZ.

It-triq kif proposta se twassal għall-qtil ta’ żewġ ħarrubiet li għandhom madwar 300 sena, thedded l-għajxien tal-bdiewa li jaħdmu l-art fiż-żona, u tirvina għal dejjem il-kuntest jekk mhux l-integrità strutturali ta’ kappella medjevali li iżjed kmieni din il-ġimgħa ġiet skedata fuq talba minn residenti u attivisti.

F’dak li issa sar modus operandi komuni, persunal ta’ Infrastructure Malta tfaċċa fuq il-post mingħajr ebda notifika l-għada li nħareġ il-permess u beda jqaċċat is-siġar fiż-żona, qabel ma twaqqaf għal darb’oħra minn residenti u attivisti. L-ERA bagħtet xi persunal tagħha f’Ħad Dingli sabiex jinvestiga l-każ, u ħareġ li Infrastructure Malta ma informatx lill-ERA bil-pjan tagħha li tibda x-xogħlijiet kif mitlub fil-kundizzjonijiet tal-permess.

Fid-dawl ta’ dan, bdiewa, residenti u attivisti applikaw għas-sospensjoni tax-xogħlijiet, li bdew illegalment fil-perjodu li fih seta’ jitressaq l-appell, u għal darb’oħra mingħajr ebda notifika.

Fl-appell qed tiġi kkontestata d-deċiżjoni mhux raġjonevoli tal-ERA fil-ħruġ ta’ dan il-permess, kif ukoll il-ksur ta’ bosta regolamenti fosthom dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u Direttivi tal-UE. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li qalet Infrastructure Malta, parti biss mit-triq kif proposta tifforma parti mill-iskema, u peress li l-bqija tat-triq tinsab fuq art ODZ, din tirrikjedi permess sħiħ għall-iżvilupp.

“Għadna qatt ma rajna urġenza simili biex tinbena triq,” qal kelliem għall-Moviment Graffitti. “Infrastructure Malta ppruvat tibda dawn ix-xogħlijiet darbtejn diġà, id-darbtejn li huma mingħajr ebda notifika u d-darbtejn fi ksur ta’ policies eżistenti. Il-Ministru Borg qassam fuljett ma’ Ħad Dingli kollu biex ibigħ din it-triq, konxju mill-fatt li hemm oppożizzjoni qawwija għall-proġett. Nistgħu biss nistaqsu jekk hemmx aġendi moħbija wara dan il-proġett mhux tas-soltu u li mhuwiex meħtieġ.”

“Waqqafna x-xogħlijiet darbtejn u jekk hemm bżonn, nerġgħu nwaqqfuhom. Inwasslu t-talba tagħna lill-Ministru Borg sabiex jipproteġi lill-kostitwenti tiegħu mit-tattiki arroganti li qed jintużaw mill-aġenzija tiegħu stess u mis-CEO tagħha, u li rajna bħalhom f’partijiet differenti ta’ Malta. Jekk le, ser ikollna nintensifikaw iżjed l-azzjonijiet tagħna.”