Lokali

Inżewqu l-ambjent mal-futur ekonomiku biex ikollna ekonomija li taħdem għan-nies – PN

Proposti konkreti fil-Pre Budget Dokument tal-PN għall-ekonomija l-ħadra u ekonomija b’saħħitha għall-futur

“L-ekonomija Maltija trid tibda tkun iktar konxja dwar l-importanza tal-biodiversita’ kif wkoll l-importanta tan-natura fl-istat selvaġġ tagħha.”, hekk qal il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent David Thake waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija Claudio Grech dwar id-Dokument ta’ Qabel il-Baġit tal-Partit Nazzjonalista, fejn ġew elenkati diversi proposti ekonomiċi u oħrajn relatati mal-ekonomija ħadra.

David Thake qal li f’dawn l-aħħar seba’ snin rajna l-Gvern Laburista juża’ l-ambjent bħala xi risors li ma jispiċċa qatt. Huwa qal li żewg fatti li ħarġu f’dawn l-aħħar ġimgħat juru l-ħtieġa li l-ekonomija tkun f’armonija mal-ambjent:

  • Studju li sar minn Dr Noel Aquilina u Dr Sara Fenech li ppubblikaw rapport li juri li fiż-żona tan-Northern Harbour hemm tniġġis għoli ta’ nitrogen Dioxide fid-djar Maltin.
  • Li 100% tas-sistemi tal-ekosistema Maltija qegħdin f’riskju ta’ kollass totali minħabba żvilupp żejjed li qed iwassal sabiex jinqered l-abitat ta’ diversi speċi f’Malta.

David Thake qal li l-Dokument ta’ Qabel il-Baġit tal-PN jaghti spinta u direzzjoni sabiex pajjiżna jieħu r-responsabbiltajiet ambjentali tiegħu bis-serjeta’ u sabiex l-ekonomija tagħna timxi id f’id mal-bżonnijiet tal-ambjent u tal-ekosistemi tagħna. Dan b’inizjattivi konkreti u permezz ta’ mod ta’ ggvernar li jinkoraġġixxi lin-negozji u l-familji tagħna jnaqqsu l-impatt tal-attivitajiet u tal-ħajja tagħhom fuq ir-riżorsi ambjentali.

Min-naħa tiegħu, Claudio Grech spjega kif l-industrija f’pajjiżna qed tiffaċċja sfidi kbar ġejjin minn diversi fatturi li qed iwasslu għal telf sostanzjali, nuqqas ta’ vijabbilta’ u theddida għall-impjiegi f’diversi setturi. Huwa saħaq li għalhekk huwa kruċjali li l-Gvern jibqa’ jagħti l-appoġġ lill-industrija f’dawn iż-żminijiet u li dan l-appoġġ ikollu viżibbilta’ ċara u mhux minn xahar għall-ieħor. Fid-dawl tal-kriżi tal-pandemija li ninsabu fiha, dan l-appoġġ irid ikun mibni fuq il-priorita’ tas-saħħa pubblika għaliex ma’ jista’qatt ikollna ekonomija b’saħħitha jekk ma’ jkollniex poplu b’saħħtu.

Claudio Grech spjega kif wara l-fażi ta’ kriżi rridu naħdmu aktar minn qatt qabel biex l-ekonomija tagħna mhux biss tirkupra iżda tittrasforma ruħha f’waħda innovattiva u li kapaċi tikkompeti fuq skala globali fl-industriji l-ġodda filwaqt li tkun sostenibbli u ma’ tgħarraqx l-ambjent u l-kwalita’ tal-ħajja li ngħixu fiha. Hu elenka sensiela ta’ proposti mressqa mill-Oppożizzjoni fid-Dokument ta’ Qabel il-Baġit li huma intiżi sabiex isaħħu l-ekonomija u jagħtu inċentiv lil min lest jinvesti biex ikabbar l-operat tiegħu.

Din il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent u l-Emerġenza tal-Klima David Thake u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija Claudio Grech.