Internazzjonali

Lejn l-elezzjoni fl-Istati Uniti: Donald Trump u Joe Biden konfrontati b’domandi diffiċli

Il-President Amerikan Donald Trump u l-isfidant tal-Partit Demokratiku, Joe Biden, wieġbu għal sensiela ta’ domandi waqt avvenimenti televiżivi separati fuq it-tema ta’ ‘Meet the Voter’ (Niltaqgħu mal-Votant).

L-avvenimenti – li saru minflok tieni dibattitu ‘presidenzjali’ li kien tħassar jiem ilu — fetħu tieqa oħra fuq l-ambizzjonijiet taż-żewġ kandidati għall-Presidenza tal-Istati Uniti, meta l-votazzjoni importanti hi skedata għat-3 ta’ Novembru.

L-avvenimenti ma kenux neqsin mill-kontroversji, b’Donald Trump ma jikkommettix ruħu dwar allegat kumplott li qed jitmexxa fuq l-Internet u meta Biden ma riedx jiżvela xi pjani jista’ ikollu għall-Qorti Suprema Amerikana.

Sadanittant, Trump u Biden kellhom jiddefendu l-azzjonijiet politiċi tagħhom meta l-indikazzjonijiet huma li Biden għandu vantaġġ sod fuq il-President – skont l-aħħar stħarriġ ta’ opinjoni.

S’issa, ‘il fuq minn 18-il miljun persuna vvutaw diġà – personalment jew bil-posta – fl-elezzjoni għall-Presidenza Amerikana.

Il-President Trump, fil-lejl tal-Ħamis, kien il-protagonista tal-avveniment organizzat min-network televiżiv NBC, f’Miami, fl-Istat ta’ Florida. Waħda mill-aktar mistoqsijiet delikati li sarulu kienet dwar it-teorija tal-kumplott ‘Qanon’, meta l-Amerikani li jemmnu b’din it-teorija jaħsbu li Trump qed jikkumbatti kontra network sigriet ta’ gruppi elit li jinvolvu, fost oħrajn il-kumplotti sataniċi u t-traffikar tat-tfal.

Madankollu, Trump insista li ‘ma jaf xejn dwar QAnon’ meta l-entità inkwistjoni qed titqies ukoll bħala theddida terroristika potenzjali mill-aġenti tal-FBI.

Donald Trump, imbagħad, ikkritika bl-aħrax lill-‘antifa’ – il-moviment ta’ attivisti (fil-parti kbira xellugin)  li d-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan qiegħed jakkuża dwar id-diżordni ċivili li spikkat waqt l-aħħar protesti kontra r-razziżmu fl-ibliet tal-Istati Uniti.

U għall-ewwel darba, Trump qal li għandu jaċċetta trasferiment ta’ poter ‘paċifiku’ f’każ li jitlef l-elezzjoni għall-Presidenza. Fl-istess ħin, hu mill-ġdid esprima tħassib dwar ‘l-integrità tal-vot’ minkejja li l-uffiċjali tal-elezzjoni federali qegħdin jinsistu li mhemm l-ebda prova ta’ frodi konnessa mal-ballottaġġ.

Min-naħa tiegħu, Joe Biden – li l-avveniment tiegħu kien organizzat mill-ABC TV fil-belt ta’ Philadelphia – ma qalx hekk hux favur proċess għal żieda ta’ membri fil-Qorti Suprema Amerikana. Lanqas ma kkommetta ruħu dwar il-ħatra ta’ maġistrati biex jinfluwenzaw il-bilanċ ideoloġiku tad-digrieti tal-qorti.

Dan meta l-Amerikani konservattivi qegħdin jissuspettaw li Biden, f’każ li jirbaħ il-Presidenza, jista’ jipprova ‘jirriforma’ lill-ġudikatura, magħrufa bħala t-tielet saff tal-Gvern tal-Istati Uniti.

Joe Biden anki ddefenda ruħu meta kien mistoqsi jekk ‘kienx żball’ ir-rwol tiegħu fl-introduzzjoni tal-abbozz tal-1994 dwar il-kriminalità.

Il-moviment Black Lives Matter qed iwaħħal fl-abbozz għall-fatt li l-Afrikani Amerikani qegħdin jispiċċaw il-ħabs fuq livell ta’ massa — u waqt li Biden ammetta dwar ‘l-iżball’ hu sostna li dan irid jitqies ‘fit-termini ta’ x’għamlu l-Istati Amerikani fuq bażi lokali’. Hu kompla li l-abbozz kellu diversi ‘elementi ħżiena u oħrajn tajbin’.

Joe Biden lanqas ma kkommetta ruħu għall-mistoqsija ta’ jekk jinsistix (bħala President) biex vaċċin futur għal kontra l-coronavirus isir mandatorju għal kulħadd, Hu qal li ‘dan jiddependi fuq in-natura tal-vaċċin ladarba joħroġ – u l-sistema tad-distribuzzjoni tiegħu’.

Fit-22 ta’ Ottubru għandu jsir dibattitu presidenzjali ieħor bejn Donald Trump u Joe Biden, għalkemm il-format li se jieħu, għalissa, għadu mhux ċar.