Internazzjonali

Maqtula f’attakk viċin Pariġi…Aktarx li każ terroristiku

Raġel inqatel b’daqqiet ta’ sikkina minn aggressur li ħebb għalih f’sobborg lejn il-majjistral ta’ Pariġi, il-belt kapitali ta’ Franza. L-aggressur, imbagħad, spiċċa maqtul minn tiri li sparawlu l-pulizija.

Il-pulizija ma konfermawx rapporti li l-vittma tal-attakk spiċċa b’rasu maqtugħa. Dan meta l-prosekutur ewlieni għal kontra t-terroriżmu qed imexxi l-investigazzjoni fl-inħawi ta’ Conflans-Sainte-Honorine.

L-attakk seħħ viċin ta’ skola, bil-pulizija jwieġbu għall-emerġenza wara li kienu kuntattjati dwar ‘individwu suspettuż li deher qed idur fil-viċinanzi’.

Jidher li l-pulizija, meta waslu, sabu l-vittma mejjet fl-art u ftit wara lemħu lis-suspettat fl-inħawi ta’ Eragny, xi 200 metru ‘il bogħod mis-sit tal-inċident. Huma kienu kostretti li jisparaw fuq ir-raġel meta dan beda jheddidhom b’sikkina.

Intant, il-Ministru Franċiż għall-Intern, Gerald Darmanin, jinsab fi triqtu lura lejn Franza wara li qata ħesrem vjaġġ lejn il-Marokk.