Lokali

Prim Ministru arroganti li tilef il-kontroll tal-pandemija – PN

B’dahru mal-ħajt u ffaċċjat bi kriżi li ġabha b’idejh Robert Abela kkonferma li tilef il-kontroll tal-pandemija tal-COVID-19.

Wara li qalilna li l-mewġ qiegħed fil-baħar, bir-rekord ta’ każijiet mħabbra llum u mwiet bil-COVID-19 jidher ċar illi l-mewġ qed jaħkem lilu u kellu joħroġ mill-moħba tieghu u jirreaġixxi għas-sitwazzjoni medika urġenti li għandu quddiemu wara pjan ta’ azzjoni politika konkreta mħabbra mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech aktar kmieni llum.

Il-PN fi stqarrija qal illi huwa ċar aktar minn qatt qabel li l-Prim Ministru tilef il-kontroll tal-pandemija u minħabba l-arroganza tiegħu issa qiegħed jibża’ u ammetta wkoll li seta’ jagħmel l-affarijiet aħjar. Dan filwaqt li ħarab milli jikkundanna lis-Segretarju Parlamentari tiegħu Silvio Parnis li fuq l-istazzjon nazzjonali ġġustifika l-imwiet tal-anzjani fid-djar tal-anzjani għax qal li s-sena l-oħra mietu aktar persuni minn din is-sena.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet tal-lum iżda, Robert Abela naqas milli jserraħ ras l-għalliema, ras l-istudenti u ras il-ġenituri li għandu pjan u jaf x’għandu jagħmel biex l-iskejjel tagħna ma jingħalqux, naqas milli jserraħ ras is-sidien tal-ħwienet u ras il-ħaddiema u li għandu strateġija minn issa biex dan il-Milied ma jintilifx u naqas milli jagħti s-serħan tal-moħħ lill-vulnerabbli u lil dawk l-anzjani li għadhom magħluqin fi djarhom.

Għal Robert Abela l-ħajja ma tiswa xejn, sostna l-PN.

Minflok jerfa’ r-responsabbilita’ politika, saħansitra pprova jitfa’ t-tort fuq ħaddiehor u minkejja l-imwiet u n-numru rekord ta’ każijiet Robert Abela jrid iserħilna moħħna billi jgħid li dan ġara għax iċ-ċirkostanzi bħalissa huma differenti u għalih tista’ tiġġieled din il-pandemija bil-buzzwords biss.

B’nuqqasijiet kbar minn Gvern inkompetenti u politiċi Laburisti fil-Gvern inkompetenti, l-Partit Nazzjonalista għal darb’oħra se jkun qiegħed hemm biex lin-nies ikun jista’ jagħtihom alternattiva u tama minflok Gvern li għalih ix-xejn m’hu xejn. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qiegħed ikun pro-attiv u minbarra t-twaqqif ta’ tim t’azzjoni talab ukoll dibattitu parlamentari fuq is-sitwazzjoni u li se jsir nhar it-Tlieta li ġej.