Futbol Sport

Replay Preview ilejla fl-10:30pm fuq Net Television | Enfasi fuq il-partitissima Hibernians kontra Valletta

Il-kowċis Stefano Sanderra u Jesmond Zerafa se jkunu qed jagħtu l-kummenti tagħkom f’Replay Preview tal-lejla, li jibda fl-10:30pm fuq Net Television, qabel il-konfront tant mistenni ta’ tmiem il-ġimgħa mill-Kampjonat Premier, dak bejn Hibernians u Valletta. Din se tkun l-ewwel darba li dawn iż-żewġ kowċis se jiltaqgħu kontra xulxin f’dan id-dwell daqstant missielet u li fl-aħħar snin dejjem offra spettaklu, antagoniżmu u rivalitá.

Sanderra u Zerafa jgħidu min għandhom nieqsa għal nhar il-Ħadd

Min se jkunu l-plejers nieqsa għall-partita ta' nhar il-Ħadd li ġej, bejn Hibernians F.C. u Valletta Football Club?Qabel din il-partita, Replay (Net Television), tkellem maż-żewġ kowċis rispettivi, Stefani Sanderra u Jesmond Zerafa dwar liema plejers se jkunu barra żgur mill-formazzjoni ta' nhar il-Ħadd.

Gepostet von Replay (Net Television) am Freitag, 16. Oktober 2020

Fit-tieni programm f’din l-iskeda ta’ Replay Preview, ilejla se jkun hemm diskussjoni fl-istudio armat apposta għal dan il-programm fir-restorant li jinsab fis-Saqqajja, Il-Veduta dwar il-partiti kollha mir-raba’ ġurnata tal-Kampjonat Premier, b’enfasi dwar din il-logħba. Fl-aħħar staġuni, Hibernians u Valletta dejjem kienu avversarji diretti ta’ xulxin, partikolarment fl-aħħar żewġ staġuni, bl-istaġun 2018/19 jibqa’ wieħed partikolari u uniku għaliex it-tnejn temmew il-Kampjonat Premier bl-istess ammont ta’ punti, il-Kampjonat kellu jkun deċiż b’decider, u anke l-istess decider, wara 120 minuta ta’ futbol, ma kienitx biżżejjed biex ikun determinat iċ-champion ta’ dak l-istaġun, b’konsegwenza li kienu Valletta li rebħu l-Kampjonat wara l-għoti tal-penalties.

Għal din il-ġimgħa biss, Replay Preview se jkun qed jixxandar ilejla, fl-10:30pm fuq Net Television.

F’Replay Preview tal-lejla, se jkun hemm servizz speċjali u tassew interessanti li ħadd m’għandu jitlef, dwar il-mixja ta’ Hamrun Spartans Football Club s’issa, wara l-ewwel tliet partiti tal-Kampjonat. Fiħ se nkunu qed nagħtu numri, statistika, fatti u kurżitajiet interessanti marbuta mal-bidu pożittiv tal-iSpartans dan l-istaġun, b’riċerka ta’ Mario Debono minn Malta Football Statistics.

Mill-lejla, tirritorna r-rokna tant popolari, ‘X’Sar Minnhom?’ fejn ta’ kull ġimgħa, din id-darba mir-restorant, Il-Veduta se nkunu qed niltaqgħu ma’ eks plejer jew personalitá tal-futbol Malti. Fl-ewwel intervista mis-sitt sena ta’ din ir-rokna fuq Net Television, il-mistieden ta’ Christian Micallef se jkun l-eks attakkant u skorer prolifiku Daniż, Carl Zachhau.

Carl Zachhau se jkun il-mistieden ta’ Christian Micallef, fl-ewwel intervista ta’ ‘X’Sar Minnhom?’ f’din l-iskeda l-ġdida

Sintendi, fil-ħin li jkun qed jixxandar il-programm tal-lejla, tkun għadha kemm intemmet l-ewwel partita mir-raba’ ġurnata tal-Kampjonat Premier dik bejn Gżira United u Mosta, għalhekk fil-bidu nett tal-programm, se nkunu qed inwasslu l-aħjar siltiet minn din il-partita, f’servizz apposta.

Dan u aktar f’Replay Preview tal-lum, il-Ġimgħa fl-10:30pm fuq Net Television.

Replay Preview tal-Ġimgħa filgħaxija qed jitwassal bl-appoġġ ta’ IZIBETIl-VedutaJ. Portelli ProjectsDoveChurchill Master Butchers u TESCOMA.

*il-programm se jkun qed jixxandar illum biss fl-10:30pm, peress li llejla, eżatt wara NET News ta’ filgħaxija, se jixxandar dokumentarju speċjali dwar it-tielet anniversarju mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.