Lokali

Tkompli tikber il-ħtieġa ta’ inkjesta pubblika dwar il-power station tal-Electrogas – PN

L-aħbar li x-shareholders tal-Electrogas tħallsu aktar minn €16 miljun bis-saħħa ta’ self li b’mod abbużiv ġie garantit mill-Gvern tkompli tikkonferma il-ħtieġa urġenti li ssir inkjesta pubblika dwar dan il-power station tal-Electrogas kif qed titlob l-Oppożizzjoni permezz ta’ mozzjoni li tressqet fil-Parlament aktar kmien din il-ġimgħa.

Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba, Tisħiħ tad-Demokrazija, għaċ-Ċittadinanza u r-Riforma tas-Servizz Pubbliku
Karol Aquilina u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija u Konservazzjoni u Immaniġġjar tal-Ilma Ryan Callus stqarrew li l-aħħar informazzjoni żvelata minn The Times of Malta bħala parti minn The Daphne Project turi wkoll li s-sid tal-kumpanija korrotta 17 Black, Yorgen Fenech, irċieva €2.5 miljun b’rabta mal-power station tal-Electrogas. Illum-il ġurnata nafu li Yorgen Fenech huwa ħabib kbir tal-eks-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, l-eks Ministru Konrad Mizzi u diversi Ministri u Segretarji Parlamentari oħra fosthom il-Ministru Edward Zammit Lewis li llum stess taħt ġurament stqarr li huwa ħabib tiegħu u anke mar fuq il-yacht tiegħu.

Wara kważi jumejn, il-Prim Ministru Robert Abela għadu ma lissinx kelma waħda dwar il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni. Robert Abela qed juri kemm hu eżatti bħal ta’ qablu u s-skiet tiegħu huwa konferma li hu kompliċi ma’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-proġett tal-power station tal-Electrogas huwa mifni bi skandlu wieħed aktar mill-ieħor li jinvolvu ksur ta’ liġi, abbuż ta’ poter u korruzzjoni bl-involviment ta’ persuni fl-għola karigi f’pajjiżna u persuni fin-negozji li huwa viċin ħafna ta’ dawn l-istess politiċi u tal-Partit Laburista.

Għalhekk il-Partit Nazzjonalista kien u ser jibqa’ jinsisti li ssir magħrufa il-verità kollha dwar il-proġett tal-power station tal-Electrogas biex issir ġustizzja mal-poplu Malti u Għawdxi li qed ikollu jħallas kontijiet għola.