Lokali Qorti

“Kont immur niekol ma’ Yorgen Fenech u anke mort fuq il-boat tiegħu” – Il-Ministru Edward Zammit Lewis

“Jien qatt ma sifirt ma’ Yorgen Fenech, kull m’għamilt mort biss darba fuq il-boat tiegħu madwar tliet snin ilu. Ġieli kont immur niekol miegħu u niftakar li kont mort fl-2018 f’post pubbliku. Kieku kelli xi riżerva ma kontx immur niekol miegħu.

“Ma kompljetx nitkellem ma’ Paul Apap Bologna li għandu sehem fil-proġett tal-power station meta sirt Ministru tal-Ġustizzja iżda m’għamiltx l-istess fil-konfront ta’ Fenech, għax ma kont involut fl-ebda deċiżjoni dwaru.

“Attivitajiet fil-lukandi ta’ Yorgen Fenech li ġieli organiżżajt jien kienu dejjem imħallsa. Jien għamilt ir-riċerka tiegħi u għandi l-irċevuti tal-ħlasijiet tagħhom. Jien qtajt il-kuntatti ma’ Yorgen Fenech qabel ma ġie arrestat

“Ġieli wkoll sifirt ma’ Keith Schembri iżda ma kontx inkun waħdi, konna nkunu xi grupp ta’ 15 jew diversi koppji. F’dawn l-attivitajiet soċjali ma’ Yorgen Fenech u Keith Schembri, ma kontx inkellimhom fuq il-Panama Papers u 17 Black, L- aktar li kont noħroġ soċjalment kien ma’ Joseph Muscat”.

Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis f’għeluq it-tliet snin mill-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia meta kompliet l-inkjesta pubblika.

Ħareġ ukoll li Keith Schembri, l-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien persuna influwenti ħafna fil-Gvern. Kien hu li jorganizza u jikkordina l-Ministeri. Dwar jekk Keith Schembri kellux aktar poter milli suppost, kien persuna li jekk ma taqbadx lil Prim Ministru, tkellem lilu.

Ix-xhud qal li meta ħareġ l-iskandlu tal-Panama Papers, kienet aħbar “xokkanti.” Il-pożizzjoni tiegħu kienet ċara – għamel distinzjoni bejn Konrad Mizzi u Keith Schembri fejn skont hu kien Mizzi li kellu jirreżenja.

Dwar Keith Schembri, peress li kien magħżul minn Joseph Muscat innifsu, il-Ministru Zammit Lewis qal li lil Muscat qallu, “dan huwa persuna ta’ fiduċja tiegħek, u se jkun hemm ir-riperkussjonijiet, id-deċiżjoni f’idejh”.

Kompla jgħid li huwa ħass li kellu jkellem lill-Prim Ministru fuq il-Panama Papers pero qatt ma ddiskuta l-kwistjoni ma’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Minkejja l-fehma tiegħu dwar Konrad Mizzi, il-Ministru saħaq li meta ġew biex jieħdu vot ta’ fiduċja fih, kien marbut mid-deċiżjoni kollettiva. Dwar għaliex damu daqshekk biex jittieħdu azzjonijiet, bħat-tneħħija ta’ Mizzi u Schembri mill-partit, huwa wieġeb li minn Jannar ‘l hawn l-aktar li kellu ċans jibdel l-affarijiet għall-aħjar.

Il-Ministru qal li dejjem fejn seta’ għamel il-parti tiegħu u dejjem ipprova jibdel l-affarijiet. Fuq jekk rax ir-rapport tal-FIAU fuq Konrad Mizzi, li kien ġie żvelat, il-Ministru qal li allaħares għandu aċċess għal dawn ir-rapporti. Zammit Lewis qal ukoll li hu ċar min kien responsabbli għall-proġetti kontroversjali, hu dejjem ipprova jiddistakka ruħu.

Fil-bidu tax-xhieda l-Ministru tal-Ġustizzja, Ugwaljanza u Governanza Edward Zammit Lewis ġie mistoqsi mill-Bord dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Joseph Muscat. Saru jafu meta kellu bejn 10 snin u 11-il sena, meta kienu jattendu l-iskola San Alwiġi flimkien.

Qal li tul is-snin ma kellhomx kuntatt regolari, imma meta t-tnejn għażlu t-triq tal-politika, reġa’ beda jkollhom kuntatt meta daħal fil-partit Laburista u aktar meta Muscat sar Kap.

l-Ministru jgħid li Muscat beda proċess importanti meta beda jinvolvi nies li kienu birdu fil-politika jew tbiegħdu xi ftit ukoll mill-Partit Laburista. Dwar kif sar jaf lil Keith Schembri qal li dan seħħ permezz ta’ Joseph Mucat.

Minkejja li Schembri ma kienx fil-politika, kien hu li beda jorganizza l-Partit. Dwar jekk il-ħbiberija tiegħu ma’ Keith Schembri tinkludix ukoll xi negozjanti, Zammit Lewis qal li permezz tal-politika jaf ħafna negozjanti u anke permezz tal-karriera tiegħu bħala avukat fil-kummerċ bilfors jaf xi negozjanti.

Ix-xhud qal li madankollu ma jistax jgħid li kien Schembri laqggħu man-negozjanti. Fuq jekk qabel l-elezzjoni tal-2013 rax xi negozjanti fil-Kwartieri tal-Partit Laburista, qal li ma kienx jiffrekwenta wisq il-Kwartieri Ġenerali.

Tenna li hu aktar kien jiffoka fuq id-door to door u jiltaqa’ man-nies. Qal li ma kienx wieħed minn dawk li fassal il-kampanja u l-politika għall-elezzjoni tal-2013, qal li kien biss kandidat u l-kandidati huma separati min-nies li jfasslu l-policies.

Fuq mistoqsija tal-Bord il-Ministru Zammit Lewis qal li l-unika ħaġa li jiftakar mill-pjan tal-enerġija kienet preżentazzjoni li għamel Konrad Mizzi fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista lill-membri parlamentari li diġà kienu fil-Parlament u lill-kandidati għal dik l-elezzjoni, tal-2013.

Il-preżentazzjoni kienet waħda akkademika, ma ssemmewx ismijiet, pero kienet waħda wkoll li jifhima kulħadd. Mistoqsi jekk it-tim ħaddanx il-kunċett tal-powerstation f’Jannar tal-2013, il-Ministru jgħid li ma jistax iwieġeb għax ma jiftakarx. Jikkonferma iżda li saret fi żmien raġonevoli qabel l-elezzjoni.

Qal li jiftakar huwa li riedu jikkonvinċu dwar dan il-proġett peress li l-Gvern beda jgħid li hija wegħda li ma tistax tiġi attwata. il-Ministru qal li din kienet waħda mill-ewwel wegħdiet elettorali li twettqu.

Mistoqsi mill-Imħallef Mallia jekk il-powerstation setgaħx għamilha l-Gvern, il-Ministru qal li din id-domanda ma jistax iwieġiba għax dan mhux il-qasam tiegħu.  “Dak iż-żmien ħadtha bħala policy tal-Gvern,” qal ix-xhud.

Dwar il-Vital l-American University of Malta u l-Montenegro qal li kienu ġew diskussi fil-kabinett. Qal li pero tal-Montenegro m’għandux idea tiegħu u dan peress li minn Ġunju tal-2017 sa Lulju tal-2019 ma kienx fil-Kabinett.

Il-Ministru tenna li  d-direzzjoni ġiet diskussa fil-Kabinett imma dwar il-profondità tal-proġetti ma jħossux kompetenti jikkummenta fuqha. Fuq aspett personali qal li kull ma jagħmel hu dejjem jinforma lill-Prim Ministru meta din tkun ta’ interess. Dan anke jinkludu avviżi legali.

Il-Bord staqsa fuq il-proġett tal-enerġija ġiex ippreżentat quddiem il-Kabinett bħala proġett lest, bil-Ministru jitlob lill-Bord biex jiggwidah peress li huwa marbut bi tliet liġijiet dwar is-segretezza fil-Kabinett.

Dwar il-‘kitchen cabinet’ Zammit Lewis qal li għalih, il-Kabinett huwa tat-Tlieta fl-10am, hu membru attiv ħafna fih, iħobb jiddiskuti ħlief għal suġġetti li ma jifhimx fihom. Huwa tenna li m’għandux idea li kien jiltaqa’ xi Kabinett ieħor b’mod separat.

Huwa qal li fil-Kabinett dejjem saħaq li għandhom jiġu segwiti l-proċessi. Sadanittant qal li sar jaf b’allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni mid-dominju pubbliku.

Keith Schembri għandu skills tajbin u organiżża lill-Partit u l-Prim Ministru kien jafda ħafna fih persuna influwenti ħafna fil-Gvern. “Ma nistax ngħid li kien jindaħalli f’xogħli imma kien jagħtini direzzjoni u ddiskutejt ħafna miegħu. Mingħajr tiegħu r-rwol tiegħu kien influwenti.”

Zammit Lewis qal li lil Joseph Muscat bl-impenji kollha tiegħu, mhux dejjem kien jaqbdu, u għaldaqstant ta’ sikwit kien jikkuntattja lil Keith Schembri minflok. Huwa kkonferma wkoll li l-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat kien jattendi l-laqgħat tal-kabinett.

L-Avukat Therese Comodini Cachia bdiet tagħmel diversi mistoqsijiet fosthom dwar il-powerstation. Dwar il-preżentazzjoni tal-proġett li kien ta Konrad Mizzi, Dr Comodini Cachia staqsiet jekk jafx kemm saret qabel l-elezzjoni.

Il-Ministru ma setax iwieġeb għax ma jiftakarx. Tenna li ma ssemmewx ismijiet ta’ kumpaniji fil-preżentazzjoni. Dwar xi garanzija bankarja b’rabta mal-proġett, qal li aktar le milli iva din ma ssemmietx.

L-Avukat Comodini Cachia staqsiet jekk meta huwa qal li lin-negozjanti jafhom bħala eks klijenti jew għax in-nisa tagħhom jafu lil xulxin, sostna li huma l-istess negozjanti involuti fil-kwistjoni tal-Electrogas, pereżempju Paul Apap Bologna li n-nisa tagħhom ilhom ħbieb minn meta kienu għadhom żgħar u ltaqa’ miegħu xi 15-il sena ilu.

Qal li ma’ Apap Bologna ma ltaqax miegħu minn meta sar Ministru tal-Ġustizzja. Dwar jekk Paul Apap Bologna qattx talbu biex ilaqqgħu ma’ Joseph Muscat, ix-xhud qal li formalment le, imma jaf ġieli kienu fl-istess kamra.

Sadanittant il-mara ta’ Zammit Lewis hija ħabiba ta’ waħda mill-ulied tal-familja Gasan. Kompla li fuq il-familja Fenech lil Yorgen Fenech kien jafu u kien hemm komuniki miegħu. Ikkonferma li sar jafu bejn l-2013 u l-2014.

Zammit Lewis qal li huwa għamel perjodu responsabbli mill-Awtorità Maltija għall-Gaming (MGA) allura kellu jikkomunika magħhom fuq il-casinos.

Bħala Ministru tat-Turiżmu wkoll iltaqa’ ħafna mal-familja Fenech billi “l-industrija kważi jmexxuha aktar l-operaturi milli l-Gvern.” Wara li spiċċa minn Ministru tat-Turiżmu, baqa’ f’kuntatt ma’ Yorgen Fenech.

Mistoqsi jekk iltaqax ma’ Yorgen Fenech wara li ġie żvelat f’Novembru tal-2018 li hu sid il-kumpanija 17 Black huwa qal li dak iż-żmien ma kienx fil-Kabinett. Qal li żamm kuntatt għax dak iż-żmien ma ħassx li qed jiġi preġudikat fix-xogħol tiegħu.

Ix-xhud qal li tul il-karriera tiegħu, kull meta ħass li xi relazzjoni jew ħbiberija tiegħu kienet tippreġudikalu xogħlu, lil din il-persuna qata’ l-kuntatt minn magħha.

Dwar il-messaġġi bejnu u Yorgen Fenech dwar jekk l-volum u n-natura tal-messaġġi kienux biss fuq it-turiżmu jew li żviluppat ħbiberija miegħu qal li kien hemm livell ta’ ħbiberija, ħaġa minn ewl id-dinja li tiżviluppa ħbiberija, qal il-Ministru.

Dwar il-festin ta’ Joseph Muscat fil-Girgenti ix-xhud qal li hu kien mistieden. u kien hemm Yorgen Fenech f’din l-attività. l-Ministru sostna li jirċievi eluf ta’ messaġġi fuq WhatsApp kuljum u li dawn ġieli jibdew mis-6.00am.

Sostna wkoll li kemm-il darba kien hemm nies li ppruvaw jibbenefikaw mingħandu minħabba l-pożizzjoni li għandu, fosthom xi nies ikellmuh fuq xi kawża peress li hu Ministru tal-Ġustizzja, u jispiċċa jaqtgħalhom.

Meta kompla jitkellem fuq Yorgen Fenech, Zammit Lewis qal li qatt ma siefer miegħu pero’ madwar erba’ snin ilu kif miegħu fuq id-dgħajsa tiegħu. Tenna li wara li ħarġu l-affarijiet ma qatax mill-ewwel miegħu għax ma ħassx li se jtellfu f’xogħlu, dak iż-żmien membru parlamentari.

Ix-xhud qal li kemm il-darba uża s-servizzi ta’ Fenech billi organiżża xi riċeviment fil-lukanda tiegħu, tenna li iżda huwa dejjem ħallas għal dan u qal li ġab miegħu l-irċevuti biex jikkonferma dan kollu. Dwar Kastilja qal li sa fejn jaf hu, ma rax lil Yorgen Fenech hemm.

Il-Ministru qal li ma kellux involviment fl-għoti tal-art tal-ITS f’Pembroke lil Silvio Debono mid-db group, billi dan kien f’idejn Projects Malta, li kienet taqa’ taħt il-ministeru ta’ Konrad Mizzi.

Il-Bord tal-Inkjesta jikkwota artiklu tal-MataToday li fih Zammit Lewis qal li dan il-proġett huwa ftehim tajjeb għal Malta bil-Ministru jgħid li dak iż-żmien kien għadu ma ħariġx ir-rapport tal-Awditur Ġenerali fuq dan il-proġett.

Zammit Lewis qal ukoll li d-deċiżjoni ta’ Joseph Muscat li jitlaq u jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni kienet tajba għax issa bdiet tittaffa t-tensjoni fis-soċjetà, għalkemm jgħid li fadal ħafna xi jsir.

Huwa ammetta wkoll li kommoss ħafna meta telaq Joseph Muscat għax eemmen li mill-2013 ‘l hawn, saru affarijiet tajbin, saru żbalji wkoll, u li qegħdin f’inkjesta pubblika llum huwa dell ikrah fuq pajjiżna li se jibqa’jnġorrha tul ħajtu kollha.

“Fil-mument li rajt li Muscat ħa jitlaq b’dak il-mod, ħassejt li spiċċa kapitlu u hu qatt ma kellu jispiċċa l-karriera tiegħu b’dak il-mod,”saħaq ix-xhud. Wara bdew isiru l-mistoqsijiet mill-Avukat Jason Azzopardi dwar meta waqfet il-komunikazzjoni bejn Edward Zammit Lewis u Yorgen Fenech u wieġeb li jidhirlu li “qabel sew” ġie arrestat Yorgen Fenech.

Kompla li ma kellux informazzjoni uffiċjali bħala Ministru li Fenech hu involut fl-assassinju. L-inkjesta hija mmexxija mill-Imħallef Emeritus Michael Mallia, l-eks-Prim Imħallef Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.

L-għan tal-inkjesta huwa li tistabbilixxi jekk il-qtil ta’ Caruana Galizia setax ġie evitat u jekk l-Istat bl-azzjonijiet jew in-nuqqasijiet tiegħu setax għen biex tinħoloq klima li fih l-assassinju seta’ jseħħ.

L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qegħdin jidhru bħala parte civile f’isem il-familja Caruana Galizia.  Is-seduta li jmiss se ssir it-Tnejn fis-2pm u se jixhed Apap Bologna. L-Erbgħa fis-2pm se jixhdu Mark u Joe Gasan.