Coronavirus Lokali

204 każi ġodda ta’ COVID-19 f’Malta

Fl-aħħar 24 siegħa pajjiżna rreġistra rekord ieħor ta’ każi ta’ COVID-19, kważi d-dopju tar-rekord li rreġistra fil-jumejn ta’ qabel.

204 huma l-każi ġodda ta’ Coronavirus f’Malta u f’Għawdex, numru li jkompli juri kemm qed tkun b’saħħitha t-tieni mewġa fuq pajjiżna. Filfatt il-każi attivi huma 1,261, żieda ta’ 162 fl-aħħar sigħat. Dan in-numru jinkludi wkoll 4 immigranti li jinsabu pożittivi għall-virus waqt li qegħdin f’pajjiżna.

Fl-aħħar seba’ t’ijiem, pajjiżna rreġistra aktar minn 800 każ u 4 mwiet bit-total ta’ dawk li tilfu ħajjithom jitla’ għal 45. B’hekk pajjiżna se jkun qed jibda it-33 ġimgħa tal-pandemija bl-akbar ammont ta’ każi pożittivi li issa ssuperaw ukoll il-każi totali ta’ COVID-19 li pajjiżna kien ra sa qabel is-Sajf.

Dawn in-numri xokkanti jaslu fil-ġurnata li l-użu tal-maskri sar obligatorju bil-liġi. Dan tħabbar ftit tas-sigħat ilu mill-Prim Ministru Robert Abela, f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha saħaq li “is-sitwazzjoni tinsab taħt kontroll.”

Permezz ta’ post fuq Facebook, l-Awtoritajiet tas-Saħħa ħabbru li fiequ 42 persuna biex b’hekk minn total ta’ 4,703 każ, 3,184 fiequ mill-Coronavirus.

Intant, mill-122 każ li tħabbru lbieraħ, 70 ma jafux minn fejn ħadu l-virus. Dan filwaqt li l-204 każ li ħarġu fl-aħħar 24 siegħa għadhom qed jiġu investigati.