Internazzjonali

Aġġornata: Samuel Paty hu l-vittma tal-attakk f’Pariġi

Il-President Franċiż għadu kemm ħabbar li l-vittma tal-attakk li seħħ f’pariġi hu l-għalliem Samuel Paty ta’ 47 sena. Hu tħalla f’nofs ta’ triq għal mejjet wara li aggressur b’sikkina kbira ħanxarlu għonqu.

Iktar kmieni:

Wara l-attakk li seħħ f’Pariġi l-Ġimgħa, il-President Franċiż Emmanuel Macron qal li qed jikkonsidra dan bħala attakk terroristiku Iżlamiku. Dan fid-dawl li dak li attakka u qatel għalliem, qabel ħanxarlu għonqu b’sikkina kbira għajjat ‘Allahu Akbar’ filwaqt li ftit tal-ħin wara ħarab minn fuq ‘il post.

Dawk fuq il-post talbu minnufih għall-assistenza tal-Pulizija li l-ewwel li sabu fuq il-post kien il-vittma bla ħajja. L-attakk seħħ viċin ta’ skola, bil-pulizija jwieġbu għall-emerġenza wara li kienu kuntattjati dwar ‘individwu suspettuż li deher qed idur fil-viċinanzi’.

Ftit tal-minuti wara ntlemaħ is-suspettat madwar 200 metru ‘il bogħod mis-sit tal-inċident. L-aggressur, li beda jhedded lill-Pulizija bl-istess sikkina li qatel lill-vittma, spiċċa nqatel mill-Pulizija ftit wara.

Skont midja Franċiża jidher li l-aggressur kellu 18-il sena. Bħalissa qed jinżammu disa’ persuni arrestati, inkluż persuna taħt l-età u qraba tal-aggressur, b’rabta ma’ dan il-każ.

Sorsi qed jgħidu li l-għalliem kien jgħallem l-istorja u l-ġeografija u kien jitkellem fil-klassi dwar il-libertà tal-espressjoni fir-rigward ta’ karikaturi Islamiċi. Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, għadd ta’ ġenituri Islamiċi lmentaw mat-tmexxija tal-iskola dwar dan l-aġir tal-għalliem.