Futbol Sport

Draw fid-derby ta’ Merseyside

(Ritratt: EPA)

Everton u Liverpool temmew fi draw ta’ 2-2 fid-derby ta’ Merseyside b’ Liverpool ikollhom gowl kontroversjali mħassar permezz tal-VAR lejn it-tmiem.

Il-partita bdiet bil-kontroversja wara ftit minuti meta daħla kerha tal-gowlkiper ta’ Everton Jordan Pickford fuq Van Dijk ma kinitx analizzata mill-VAR. Liverpool fetħu l-iskor wara tliet minuti permezz ta’ SADIO MANE. It-tim ta’ Carlo Ancelotti rrisponda u ġab id-draw fid-19 –il minuta permezz ta’ daqqa ta’ ras ta’ MICHAEL KEANE. MOHAMMED SALAH reġa tefa’ lil Liverpool fil-vantaġġ fit-72 minuta biex skorja l-100 gowl tiegħu għal Liverpool iżda DOMINIC CAL-VERT-LEWIN kompla fejn ħalla qabel il-waqfa internazzjonali u skorja biex ġab id-draw għal Everton.

Everton temmew il-partita b’għaxar plejers meta fid-90 minuta tkeċċa Richarlison. Fil-ħin addizzjonali, Liverpool ħasbu li rebħu l-konfront iżda l-gowl ta’ Henderson kien imħassar permezz tal-VAR.

Gowl ta’ Raheem Sterling fl-ewwel taqsima kien biżejjed biex it-tim ta’ Pep Guardiola jikseb rebħa minima ta’ 1-0 fuq Arsenal. Il-gowl ta’ STERLING wasal fit-23 minuta meta min pass ta’ Aguero, Phil Foden ra t-tentattiv tiegħu salvat minn Bernd Leno, bi Sterling ikun l-ewwel fuq il-ballun biex ikkonkluda għal ġewwa.

Fi Stamford Bridge, Southampton kisbu draw ta’ 3-3 kontra Chelsea. TIMO WERNER fetaħ vantaġġ doppju għat-tim ta’ Frank Lampard b’gowls fil-15 u t-28 minuta. Żewġ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima, Southampton naqsu l-iskor permezz ta’ DANNY INGS. Southampton ħarġu fuq l-offensiva fit-tieni taqsima u ġabu d-draw permezz ta’ CHE ADAMS. Wieħed mill-akkwisti l-ġodda ta’ Chelsea, KAI HAVERTZ reġa tefa’ lill-Blues fil-vantaġġ iżda gowl fid-90 minuta tad-difensur JANNIK VESTERGAARD salva punti għas-Saints.