Lokali

ESKLUSSIVA: Miriam Dalli u Clyde Caruana co-opted fil-Parlament

Mistennija Re-Shuffle - Inqas minn sena wara li tħabbar l-ikbar Kabinett fl-istorja ta' pajjiżna

Ftit tal-minuti qabel il-Partit Laburista ħabbar li Miriam Dalli u Clyde Caruana ġew co-opted fil-Parlament, Net News żvela din id-deċiżjoni li ttieħdet mill-PL waqt laqgħa tal-eżekuttiv.

Kien il-Prim Ministru Robert Abela nnifsu li llum laqqa’ kemm lill-Grupp Parlamentari, kif ukoll lill-Eżekuttiv tal-Partit Laburista, biex jiġu diskussi l-co-options ta’ Dalli u Caruana.

B’hekk Robert Abela qed ikompli bil-manuvri biex fil-Parlament ikollu nies tiegħu u mhux nies li fl-elezzjoni għall-mexxej appoġjaw lil Chris Fearne. Dan bi preparamenti għall-Elezzjoni Ġenerali li jmiss.

Miriam Dalli se tkun qed tħalli s-siġġu tagħha fil-Parlament Ewropew filwaqt li Clyde Caruana issa se jkun qed iħalli l-irwol tiegħu ta’ Chief of Staff ta’ Abela f’Kastilja.

Din l-aħbar tasal fost aħbarijiet oħra li issa qed issir ħidma biex iktar deputati tal-Labour iħallu s-siġġu tagħhom biex jagħmlu spazzju għal nies ta’ Robert Abela, fosthom Alison Civelli, oħt l-mara tal-Prim Ministru. Sorsi qed jgħidu li oħt Lydia Abela tista’ tkun co-opted fil-Parlament fil-ġranet li ġejjin hekk kif mistennija joħorġu aktar riżenji mill-kamp Laburista.

Sorsi qrib il-PL li tkellmu ma dan l-istazzjon saħqu li dawn il-manuvri ta’ Robert Abela jmorru għal kollox kontra d-demokrazija u kontra dak li mdorrijin naraw fil-Parlament Malti. Jidher li dawn il-manuvri qed jurtaw mhux ftit lil persuni li sa mill-bidu ma riedux lil Abela bħala mexxej tagħhom. Oħrajn qed jistaqsu u jinsabu nkwetati kif il-Partit Laburista, b’daqshekk saħħa u anke ftaħir, ma rnexxilux isib kandidati biex jieħdu posthom fil-Parlament u kellu jirrikorri għal MEP u għal Chief of Staff.