Futbol Sport

Gowl ta’ Kamara jifred lill-ġirien

(Ritratt: Trevor Sollars)

George Cassar

BALZAN  –  1

LIJA ATHLETIC – 0

Balzan: S. Mintoff, S. Arab, S. Bezzina (M. Johnson 78’), A. Loof. M. Kamara, P. Fenech, S. Pisani, U. Ljubomirac, S. Jalu (A. Effiong 78’), Weverton, E. Mc Woods

Lija A.: L. Bonnici, A. White, C. Cassar, C. Giordimaina, J.C. Gill,  D. Scerri (R. Dalli 70’), V. Alhinho, N. Micallef, F. Brandan, E. Beu, R. Darmanin

Skurja: M. Kamara 23’

Imwissija: A. White 58’ (L), S. Jalu 59’ (B), F. Brandan 64’ (L)

Referì: G. Tonna

Assistenti referis: M. Scerri, I. Tonna

Il-plejer tal-logħba: M. Kamara (B)

Balzan rebħu l-konfront kontra l-ġirien Lija Athletic b’gowl f’nofs l-ewwel taqsima ta’ Moussa Kamara. Iż-żewġ timijiet kienu bdew il-partita b’erba’ punti kull wieħed, iżda b’din ir-rebħa Balzan telgħu man-naħa ta’ fuq, bil-pożizzjoni ta’ Lija xorta tibqa’ ’l barra miż-żona tar-relegazzjoni.

Il-konfront bejn tnejn mit-tliet irħula ma kien iddominat ħadd u d-differenza ħarġet biss fid-distakk fil-potenzjal taż-żewġ skwadri. Madankollu s-saħħa tal-iskwadra ta’ Balzan tidher li hija inqas minn dik li kellhom fl-istaġuni riċenti speċjalment fejn jidħlu l-plejers barranin.

Minkejja l-limitazzjonijiet tal-iskwadra, speċjalment fil-kwantità tagħha, Lija dejjem taw sfida lill-avversarji li kellhom s’issa u jidher li dan l-istaġun se jkun aħjar mill-esperjenzi preċedenti li kellhom f’dawn l-aħħar snin fil-Kampjonat Premier fejn is-soltu kienu jintefgħu kmieni fl-aħħar post u jibqgħu  hemmhekk sal-aħħar.

Erjon Beu ma kienx effettiv daqs is-soltu fl-attakk ta’ Lija hekk kif kien mgħasses tajjeb minn Samir Arab li kellu partita tajba kemm meta ddefenda kif ukoll meta sab il-ħin li jattakka. F’nofs il-grawnd Lija għandhom punt ta’ riferiment minn Valdo Alhinho li jibbilanċja tajjeb lit-tim.

Balzan kienu perikolużi fl-għaxar minuta meta l-kross mil-lemin ta’ Samir Arab seta’ kien iktar perikoluż li kieku sab lil xi ħadd mill-attakkanti sħabu biex ikomplu l-azzjoni.

It-tim immexxi minn Mark Miller skorja l-gowl tar-rebħa f’nofs l-ewwel taqsima meta Andre White naqas milli jbiegħed il-periklu wara kross ta’ Steven Pisani, Uros Ljubomirac kien pront għadda l-ballun lil Moussa Kamara, bid-difensur mill-Gambja jiskorja b’xutt fil-baxx.

L-aħjar ċans ta’ Lija wasal f’nofs it-tieni taqsima meta l-freekick mix-xellug ta’ Erjon Beu sab id-daqqa ta’ ras ta’ Neil Micallef li ħabtet mill-wieqfa.

Balzan ġiehom iċ-ċans li jagħlqu l-logħba tliet minuti mit-tmiem meta Alfred Effiong ta pass tajjeb lil Eric Mc Woods li kkonkluda mill-viċin, iżda sab ir-reżistenza tal-gowlkiper ta’ Lija Luke Bonnici li għolla idu fil-ħin u dawwar il-ballun f’korner biex żamm ir-rebħa ta’ Balzan waħda minima.