Tajn, trabijiet, ħofor, gandotti, intejjen u għargħar kbar fil-maltemp.
Din hija t-tbatija kbira li ilhom għaddejjin minnha r-residenti Żwieten ta’ Triq Xrobb l-Għaġin għal minn tal-anqas sentejn u nofs, triq li tterraq mill-inħawi ta’ San Girgor sal-Knisja tas-Silġ f’Marsaxlokk.
NET News is-Sibt żar l-istat diżastruż ta’ dina t-triq u mal-ewwel daqqa t’għajn, wieħed jaħseb li wasal fuq il-qamar, bix-xogħol ilu wieqaf ħesreq għal diversi xhur jekk mhux snin.
Residenti li tkellmu magħna qalulna li saħansitra t-trab kbir b’dan il-proġett ksielhom djarhom minn ġewwa u anki kkawża problemi respiratorji għalihom.
Anki kanni kbar, li kellhom jintużaw biex titneħħa fossa u ssir sistema ġdida ta’ drenaġġ, tħallew fuq xulxin jiżgumbraw il-ġenb tat-triq. Dan filwaqt li anke soffrew ħsarat fil-karozzi tagħhom wara li għaddew minn din it-triq.
Ir-residenti, il-biċċa l-kbira anzjani, saħansitra qed ibatu minn solitudni kawża ta’ dan id-dewmien esaġerat fil-proġett għaliex tal-familja ġieli jaħsbuha darbtejn iżurux lil qrabathom minħabba l-istat tat-triq.
Kien fl-24 t’April 2018 li x-xandir tal-istat qal li l-Ministru tat-Trasport, Ian Borg, kien ħabbar li d-Direttorat tat-Toroq kien se jinkludi din it-triq fix-xogħlijiet ta’ toroq li jagħtu għall-bajjiet.
Fl-1 ta’ Settembru 2018, l-istazzjon Laburista semma li kien għaddej ix-xogħol fuq il-post, u kkonferma li dan il-proġett suppost tlesta sa Ġunju 2019.
Bosta esponenti Laburista provaw jirkbu l-karru tal-weġgħa tar-residenti ta’ din it-triq sabiex juru li qed jitfgħu xi pressjoni, fosthom id-deputat Laburista, Jean Claude Micallef, li fl-Indipendenza għoġbu jtella’ filmat jilmenta li r-residenti huma msakkra fi djarhom bid-dewmien tax-xogħlijiet minn naħa ta’ Ian Borg u Michael Farrugia, bħala l-Ministri responsabbli mit-toroq u s-servizzi tal-ilma rispettivament:
“Kelli litteralment nixxabbat mal-ħajt tas-sejjieħ biex ngħaddi għaliex minn xi ħaġa bħal din huwa impossibli li tgħaddi. (…) L-appell tiegħi huwa ċar lil sħabi anki l-Ministri sabiex jaġixxu minnufih.”
Iżda xahar wara, l-ebda azzjoni minn naħa tal-Ministri Ian Borg u Michael Farrugia hekk kif ma nbidel xejn.
Intant, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ftit tal-jiem ilu bagħtet ittra mimlija ġustifikazzjonijiet lir-residenti li ftit offritilhom soljev.
//= $special ?>