Għawdex Lokali

AĠĠORNATA: Imut id-deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi

"Tlifna wieħed minna" - Bernard Grech

Tard illejla tħabbret il-mewt tad-deputat Għawdxi Frederick Azzopardi. Hu kellu 71 sena.

Frederick Azzopardi kien miżżewweġ lil Carmen, u kellhom 3 itfal – Luke, Maureen u Lara.

F’messaġġ fuq Facebook, il-Kap tal-PN Bernard Grech qal illi Frederick kien eżempju ta’ kif tista’ tkun ta’ servizz għal ħaddieħor. Politiku li dejjem ġab il-ġid tal-komunità Għawdxija fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu. L-Għawdxin, elezzjoni wara oħra għażluh bħala r-rappreżentant denju tagħhom.

“Minn qalbi nagħti l-kondoljanzi lill-martu Carmen, lil uliedu u l-familja kollha tiegħu. Illum tlifna wieħed minna”, kiteb Bernard Grech.

Il-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja tad-Deputat Nazzjonalista li serva f’bosta karigi fosthom fil-Kunsill Lokali tar-Rabat Għawdex, u bħala Deputat Parlamentari f’isem il-PN f’numru ta’ leġislaturi, u dan l-aħħar ukoll bħala Deputat Whip tal-Grupp Parlamentari.

Azzopardi – li kien deskritt bħala ġentlom u raġel ta’ qalb kbira – ġie elett l-ewwel darba fil-Parlament fl-1998.

Il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija maħruġa minn David Agius Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Parlament, Robert Cutajar Whip tal-Grupp Parlamentari, u Francis Zammit Dimech Segretarju Ġenerali tal-PN. bagħat il-kondoljanzi lill-familja tiegħu, l-qraba u l-ħbieb f’dan il-mument ferm diffiċli. L-istess sentiment kien espress mill-Partit Laburista u mill-Ispeaker Anglu Farrugia.