Lokali

“Ir-ristoranti qed jesperjenzaw daqqa ta’ ħarta ikbar” – ACE

L-Assoċjazzjoni qed twissi li għadd ta' negozji lokali se jkollhom jgħalqu b'mod permanenti jekk kollox jibqa' kif inhu.

L-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) qalet li r-ristoranti qed jesperjenzaw daqqa ta’ ħarta ikbar minn dik li esperjenzaw fil-bidu tal-pandemija.

Dan ħareġ minn stħarriġ li sar mill-Assoċjazzjoni nnifisha fejn wara l-effetti tal-vouchers li ngħataw mill-Gvern, deher tnaqqis drastiku ta’ 40% tal-bejgħ. Jidher li t-tnaqqis beda jidher lejn l-aħħar ta’ Settembru iżda fl-aħħar ġimgħa kien hemm nuqqas kbir hekk kif bdew jiżdiedu sew in-numri ta’ każijiet pożittivi. Minn naħa l-oħra, dehret żieda żgħira ta’ 5% fis-servizz ta’ delivery.

L-istess stħarriġ juri li dan it-tnaqqis deher kemm minħabba l-fatt li l-Maltin huma konxi tat-tixrid tal-virus iżda wkoll qed joqgħodu attenti kif jonqfu l-flus minħabba d-dħul inċert tal-futur.

Jekk is-sitwazzjoni tibqa’ hekk, l-Assoċjazzjoni qed twissi li għadd ta’ negozji lokali se jkollhom jgħalqu b’mod permanenti, bħalma diġa ġara fl-aħħar xhur.

B’hekk, huma qed jitolbu lil Gvern biex jikkunsidra dawn it-tliet punti għall-iktar sapport u għajnuna:

  1. Li jinħarġu vouchers immedjatament biex iħeġġeġ lin-nies jieklu barra mingħajr l-inkwiet dwar id-dħul
  2. Is-suppliment tal-paga għandu ikun ta’ €800 bħala għajnuna lill-ħaddiema
  3. L-użu tal-perspex bejn l-imwejjed biex titnaqqas id-distanza soċjali fir-ristoranti għandha tiġi implimentata minnufih