Lokali

“Jeħtieġ infurzar fuq it-trasport pubbliku biex niġġieldu l-COVID” – PN

“Minkejja n-numri ta’ każi ta’ COVID-19 dejjem jiżdiedu, għadna m’aħniex naraw biżżejjed infurzar u prekawzjonijet fuq il-karozzi tal-linja li ta’ kuljum jaqdu eluf ta’ passiġġiera. Fid-dawl tal-imxija li ggravat, bħala Oppożizzjoni nħossuna fid-dover li niġbdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet dwar n-nuqqasijiet li hemm u nressqu proposti dwar kif nistgħu ntejbu s-sitwazzjoni.”

Kien dan li ħareġ fi stqarrija mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u Mobbiltà, Toni Bezzina fejn kompla jgħid li fuq il-mezzi soċjali qegħdin iduru għadd ta’ ritratti li juru nies ffullati fuq il-karozzi tal-linja, meta skont ir-regoli suppost ħadd m’għandu jitħalla bilwieqfa u kull karozza tgħabbi daqskemm tesa’ nies bilqegħda.

Toni Bezzina qal li din il-problema qed narawha wkoll fil-vened tal-karozzi tal-linja, fejn f’diversi każi mhux qed tiġi osservata d-distanza soċjali, filwaqt li nħeġġu għal aktar infurzar sabiex dawn l-affarijiet ma jseħħux aktar, huwa essenzjali wkoll li tiżdied l-frekwenza tal-aktar rotot użati sabiex kemm jista jkun ma jitħalewx nies jistennew fit-tul u ma jkunx hemm nies bil-wieqfa fil-karozzi tal-linja.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li apparti minn hekk, qed ikun hawn karozzi tal-linja li ma jkollhomx sanitizer disponibbli għall-passiġġiera, li huwa kruċjali li dawk kollha li jitilgħu jkollhom sanitizer disponibbli u li l-karozzi tal-linja jkunu ffumigati spiss sabiex nassiguraw li hadd ma jiehu il-virus mill-karozzi tal-linja.

Toni Bezzina kompla jgħdi li din in-nuqqas ta’ attenzjoni għall-prekawzjonijiet qegħda tissogra mhux biss ħajjet il-passiġġiera iżda wkoll dawk tal-ħaddiema. Meta l-ewwel faqqset il-pandemija f’Marzu, bħala Partit Nazzjonalista konna ressaqna għadd ta’ proposti sabiex nimmitigaw il-virus, fosthom li ta’ kuljum tittieħed it-temperatura tax-xufiera u titniżżel f’reġistru, bil-mira li jekk xufier ikollu s-sintomi tal-COVID-19, dan jiġi traċċat mal-ewwel. Tajjeb wieħed jinnota li x-xufiera jiltaqgħu ma’ ħafna passiġġieri u ta’ spiss imissu ma’ muniti u karti tal-flus. F’ dan ir-rigward, bħala Oppożizzjoni konna proponejna li l-ħlas isir biss bit-Tallinja card, iżda dan għadu mhux isehh.

Għalhekk, l-Oppożizzjoni qed tagħmel appell lill-Gvern biex flimkien ma’ Transport Malta u l-operatur tat-Trasport Pubbliku jassiguraw li kulmin jagħmel użu minn dan il-mezz ta’ trasport, jagħmel dan b’moħħu mistrieħ u mingħajr biża li jista’ jispiċċa vittma tal-COVID 19.