Lokali

“Kien il-PN li welled l-idea tal-vouchers”

“Il-Partit Nazzjonalista mhux talli mhux kontra l-vouchers izda kien il-partit li welled l-idea tal-vouchers.”

Kien dan kliem il-kelliem tal-Oppożizzjoni għas-self employeed, Edwin Vassallo fejn kompla jgħid li kull meta Robert Abela u l-Gvern Laburista li hu jmexxi jibdew jgħerqu fl-inkompetenza bħalma qed juri waqt l-imxija tal-COVID-19, sabiex jgħattu din l-inkompetenza, l-Partit Laburista jara x’jivvinta u jigdeb biex jiddevja l-attenzjoni tan-nies. Hu kompla jgħid li din id-darba għażlu li jgħawwġu l-argument li qal Edwin Vassallo.

Edwin Vassallo qal li kien il-Partit Nazzjonalista li ħareġ bil-proposta tal-vouchers, proposta li l-Gvern l-ewwel ipprova jiskredita imbagħad adotta u issa jrid jipprova jara kif se jieħu l-mertu tagħha. Hu qal li dan għaliex din il-proposta tal-PN saret l-unika mod kif il-Gvern Laburista għen lill-ekonomija partikolarment lis-self employed u lir-ristoranti f’dawn iż-żminijiet diffiċli fejn tħallew jaffaċċjaw id-diffikultajiet relatati mal-pandemija.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li l-Partit Nazzjonalista jfakkar li daqt ġej l-istaġun tal-Milied, żmien importanti għall-kummerċ u n-negozju u flok jinħela fil-gideb u tgħawwiġ tal-kliem, il-Gvern Laburista għandu jkollu pjan kif se jsalva dan l-istaġun kummerċjali importanti u mhux jinħeba. Hu spiċċa jgħid li l-PN se jibqa’ kommess li kif għamel bid-Dokument ta’ Qabel il-Baġit, jibqa’ jagħmel iżjed proposti konkreti li permezz tagħhom ikun issalvagwardat l-gġixien tal-imprendituri u l-ħaddiema Maltin.