Il-professjonisti mediċi mhux ilaħħqu maż-żieda qawwija ta’ xogħol li ġabu magħhom in-numri bla kontroll ta’ każi ġodda ta’ COVID-19 f’pajjiżna.
Tant hu hekk li fl-aħħar jiem diversi servizzi mediċi kellhom jitwaqqfu hekk kif il-professjonisti mediċi qed jintbagħtu bl-għexieren biex jaħdmu fiċ-Ċentru għall-Contact Tracing.
Fost dawn hemm il-professjonisti tal-Parent Craft Services, fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa, li fl-aħħar sigħat avżaw lill-membri ta’ familji li qed jistennew tarbija. Dan is-servizz issa jinsab sospiż hekk kif il-professjonisti kollha mħarrġa biex joffruh ġew trasferiti.
Minkejja dan, is-servizz tal-contact tracing hu mifni bl-ammont ta’ każi li għad iridu jiġu studjati. Tant hu hekk li ma’ Net News tkellmu persuni li saħansitra ilhom kważi ġimgħa li saru jafu li huma pożittivi, jinsabu fi kwarantina imma ħadd ma kkuntattjahom biex isir il-contact tracing.
L-istess fis-settur tal-edukazzjoni fejn diversi professjonisti qed jiġu trasferiti biex jgħallmu fil-klassijiet.
Fost dawk l-iktar milquta hemm dawk l-iktar vulnerabbli bħal tfal b’abbiltajiet differenti.
Filfatt diversi tfal tilfu servizzi bħall-Early Intervention jew għadhom mingħajr professjonisti li jaħdmu mal-istudenti nieqsa mid-dawl jew smiegħ assenjati magħhom.
//= $special ?>