Għawdex Lokali

“L-istess wegħdi għal Għawdex li l-Gvern Laburista qatt ma jwettaq” – PN

“Hekk kif aktar kmieni din il-ġimgħa nżammet laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali dwar Għawdex, il-Gvern Laburista permezz tal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ftaħar kemm qed iwettaq ħidma fejn tidhol l-aċċessibbilta’ għal Għawdex. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tinnota kemm l-Għawdxin m’għadhomx qed jieħdu lill-Gvern bis-serjeta’ fuq dan is-suggett tant importanti. Dan għaliex il-Gvern sfortunatament falla milli jwettaq dak kollu li wiegħed f’dan ir-rigward tul l-aħħar seba’ snin.”

Kien dan li ħareġ fi stqarrija mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex u r-riforma Kostituzzjonali, Chris Said, id-Deputat Whip, Frederick Azzopardi u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli, Kevin Cutajar fejn komplew jgħidu li fosthom jissemmew dawn il-wegħdi:

Aċċessibbilta’ bl-art:

  • Il-link permanenti bejn il-gżejjer li dejjem ġejja iżda qatt ma tibda aħseb u ara kemm tasal.
  • Triq alternattiva lejn il-port tal-Imġarr biex it-traffiku jitqassam aħjar.

Aċċessibbilta’ bil-baħar:

  • Fast Ferry li wara li ġie mitfugh fil-bir tas-skieken b’ħafna inkompetenza issa biddluh għal sempliċi servizz ta’ hop on hop off prospettiv.
  • Ir-raba’ vapur ġdid li minfloku inġieb wieħed antik, mhux adattat għall-baħar tagħna u li lanqas hu aċċessibbli għal kulhadd.
  • Faċilita’ ta’ vapur tal-cargo li jitlaq mill-inħawi tal-Belt Valletta, biex jiġi evitat il-ġarr tal-merkanzija lejn iċ-Ċirkewwa bil-konsegwenzi tat-traffiku, tniġġis u spejjeż żejda.
  • Cruise liner terminal li baqa’ fuq il-pjanta.
  • Bagi ġodda fil-baħar qrib l-Imġarr u x-Xlendi biex magħhom jorbtu l-cruise liners li baqgħu biss diskors sabiħ.
  • Yacht marina ġdida li wkoll baqgħet ħolma.

Aċċessibbilta’ bl-ajru:

  • Airstrip biex fiha jinżlu l-ajruplani, anke dawk minn barra biex jiġi attirat turiżmu sinjur dirett lejn Għawdex.
  • Servizz bil-ħelikopter bejn il-gżejjer li ilu li tħabbar fuq sena u li għadu ma bediex.

L-istqarrija tispiċċa tgħid li lejliet il-Baġit, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tfakkar li ħafna minn dawn il-wegħdi dwar Għawdex, bħal ħafna oħrajn dehru f’baġits ta’ Gvern Laburista, wieħed wara l-ieħor u probabbilment jerġgħu jidhru f’dan li jmiss. L-Oppożizzjoni qed tappella lill-Gvern li jekk irid ikun kredibbli fejn tidħol l-aċċessibbilta’ għal Għawdex għandu jieqaf jirrepeti l-wegħdi u minflok jgħidilna kemm minnhom se jwettaq fil-leġislatura preżenti.