Coronavirus Lokali Saħħa

L-MUMN tgħid li m’hemmx biżżejjed infermiera

Minkejja l-pompa tal-Gvern li hemm 75 sodda fl-ITU u 25 sodda fl-Isptar t’Għawdex… m’hemmx biżżejjed infermiera mħarrġa u disponibbli għal numru daqshekk kbir ta’ sodod.

Din kienet id-dikjarazzjoni iebsa tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) li tinsab imħassba biż-żieda ta’ każijiet ta’ COVID-19 li qed joħorġu ta’ kuljum. “żieda bħal din żgur se jkollha impatt negattiv fuq l-isptarijiet kollha u l-istituzzjonijiet tal-anzjani għad-detriment tal-pazjenti u l-istaff.”

L-MUMN saħqu li “mhuwiex biss in-numru ta’ sodod fl-ITU li huwa importanti iżda li kull sodda jkollha infermiera speċjalizzati biex jimmaniġġjaw ventilators u kura intensiva. L-MUMN talbet laqgħa mat-tmexxija tal-isptar Mater Dei dwar “din il-kwistjoni serja peress li fl-aħħar mill-aħħar l-infermiera se jsofru. bil-pazjent iħallas il-prezz aħħari.”

Huma saħqu li l-pressjoni fuq il-forza tax-xogħol eżistenti tal-infermiera speċjalment fl-ITU diġà qed tħalli l-effett tagħha.

Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel appellat għall-infurzar, għall-ħasil tal-idejn, id-distanza soċjali u l-ilbies tal-maskri fejn qalet li “huma speċjalment importanti.” Fl-istess ħin l-MUMN qed tistenna li l-Gvern jikkunsidra miżuri oħra li qed isegwu pajjiżi oħra Ewropej. “Eventwalment numri daqshekk kbar ta’ każijiet tal-COVID-19 se jkunu katastrofiċi kemm fis-settur tas-saħħa kif ukoll fl-ekonomija.”