Coronavirus Lokali Saħħa

Michael Falzon jgħid li x-xogħol tal-Gvern fil-COVID-19 “kien tajjeb”

Bil-ftit miżuri kożmetiċi li daħħal Robert Abela l-Ġimgħa, fejn prattikament kulma għamel daħħal l-obbligazzjoni tal-ilbies tal-maskri u li l-bars ikunu magħluqa sal-11pm, għal Ministru Michael Falzon, il-Gvern qed jagħmel dak kollu possibli minkejja l-isplużjoni fil-każijiet:

“Li nista’ nassigura, u dan ngħidu b’ċertezza, li dak kollu li seta’ jsir, qed isir.”

Mistoqsi jekk il-miżuri ta’ Robert Abela kinux suffiċjenti meta tqis li għandna medja ta’ 115-il każ kuljum, Falzon qal li din l-isfida qiegħed iġġiegħel il-Gvern jibbilanċja:

“Ara l-ewwel nett, Ejj’ejja ikunu biex ngħid hekk fair. Irridu…X’ħa nagħmlu? Niddeċiedu nsalvaw il-ħajjiet u nwaqqfu l-ekonomija? (….) Din hija sfida li ħa ġġiegħlna u qed iġġiegħlna nagħmlu balancing acts… issa jien mhux ballerina imma nsomma, nippruvaw.”

Minkejja li poġġejnilu l-mistoqsija, jekk is-sitwazzjoni tal-COVID-19 hijiex taħt kontroll meta fl-aħħar 7 ijiem tħabbru aktar minn 800 każ ġdid kif ukoll 4 vittmi bl-infezzjoni, fl-ebda mill-ħin ma kkonferma jew innega din id-dikjarazzjoni surreali li ripetutament jagħmel il-Prim Ministru Robert Abela.

Minflok, b’1,261 każ attiv, Michael Falzon qalilna li l-Gvern qed jimmaniġja l-pandemija b’mod tajjeb tant li saħansitra ried iqabbel lil pajjiżna ma’ pajjiżi oħra:

“Ma rridx inqabbel pajjiżi, imma hemm pajjiżi li għandhom Prim Ministri u eks-Prim Ministri li qed jiġu investigati għaliex ix-xogħol tagħhom forsi m’għamluhx sew. Hawnhekk ix-xogħol kien tajjeb.”

Dan mingħajr ma ħadd m’għandu għalfejn jerfa’ responsabbiltà, lanqas is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani, Silvio Parnis, kif talab il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech minkejja li l-virus għamel ħerba mid-djar tal-anzjani fil-pajjiż, partikolarment dik fil-Fgura, biex b’kollox kellna 45 vittma bil-COVID-19.