Futbol Sport

Milan jirbħu d-derby kontra Inter

(Ritratt: EPA)

Fid-derby della Madonnina, Milan ħarġu rebbieħa 2-1 fuq Inter bl-attakkant ta’ Milan Zlatan Ibrahimovic ikun l-eroj tal-ġurnata b’żewġ gowls. Wara biss tlettax –il minuta, Milan ingħataw penalty wara li Kolarov deher iwaqqa’ lil Ibrahimovic fil-kaxxa bl-istess IBRAHIMOVIC minn ħdax –il metru ra lil Handanovic isalva parzjalment iżda l-istess plejer xeħet ġewwa mill-viċin. Milan irduppjaw tliet minuti wara meta minn cross ta’ Leao kien IBRAHIMOVIC li għamilhom 2-0. Inter daħlu fil-partita fid-29 minuta permezz ta’ ROMELU LUKAKU iżda d-difiża ta’ Milan baqgħat kompatta sat-tmiem biex b’hekk it-tim ta’ Stefano Pioli kiseb it-tliet punti.

Fi Stadio San Paolo, Napoli kisbu rebħa kbira ta’ 4-1 kontra Atalanta. HIRVING LOZANO skorja darbtejn f’temp ta’ ħames minuti bejn t-23 u s-27 minuta. MATTEO POLITANO għamilhom 3-0 man-nofsiegħa logħob biex VICTOR OSIMHEN aċċerta mit-tliet punti żewġ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima. SAM LAMMERS skorja l-gowl ta’ konsolazzjoni għal Atalanta fid-69 minuta.

Sampdoria kisbu t-tieni rebħa tal-istaġun meta fi Stadio Luigi Ferraris għelbu lil Lazio 3-0. Il-gowls ta’ Sampdoria wasslu permezz ta’ QUAGLIARELLA, AUGELLO u DAMSGAARD.