Lokali

Quddiesa ċċelebrata fl-okkażjoni tat-tielet sena mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

L-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra quddiesa fit-tielet anniversarju mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, fil-Knisja tal-Familja Mqaddsa, il-Bidnija. Qabel il-Quddiesa, l-Arċisqof talab fil-post fejn twettaq l-assassinju fil-Bidnija.

Fl-omelija, l-Arċisqof tkellem dwar il-maħfra, il-ġustizzja u d-dover tal-memorja, u kkwota partijiet mill-enċiklika riċenti tal-Papa Franġisku Fratelli Tutti.

“Il-Papa qed jgħidilna li tkun inġustizzja ma’ Daphne li ninsewh,” qal l-Arċisqof. “Imma daqstant ieħor tkun inġustizzja mal-memorja tagħha jekk aħna nitilfu d-dinjità tagħna minħabba r-rabja tat-telfa u minħabba d-dulur. Infittxu l-ġustizzja fil-verità u fl-istess ħin nirrispettaw id-dinjità tagħna billi nesiġu li kulħadd jiġi ttrattat sew u bil-ġustizzja, imma bil-verità.”

L-Arċisqof qal li l-kelma tal-Papa tinterpella l-kuxjenza tagħna lkoll, inkluż dawk li qed imexxu l-istituzzjonijiet tagħna, speċjalment l-awtoritajiet li qed jinvestigaw l-assassinju ta’ Caruana Galizia u l-kuntest li fih twettaq l-assassinju.

“Aħna wkoll għandna d-dover nissieltu biex tirbaħ il-verità u biex l-ambjent li ppermetta li xi ħadd jaħseb li għandu d-dritt jelimina fiżikament avversarju tremend, bħalma kienet Daphne, jispiċċa,” qal l-Arċisqof. “Allaħares jibqa’ fostna dak il-velenu ta’ impunità, ta’ arroganza sottili li jġagħalna naħsbu li għandna l-poter fuq il-ħajja ta’ xi ħadd, skomdu kemm hu skomdu. Il-Mulej jagħtina l-għerf biex nifhmu l-kelma tal-Papa fiċ-ċirkustanzi attwali tagħna u ma ninsew qatt.”

Ritratti: Robert Agius