F’għeluq l-10 sena minn kemm ilha xxandar fost il-komunità Beltija, RadioCity mis-Sibt bdiet esperjenza ġdida ta’ xandir mis-sede tas-Società Filarmonica Nazionale La Valette, fi Triq ir-Repubblika l-Belt.
Id-direttur u l-maniġer tal-istazzjon fuq il-frekwenza 98FM, Carmelo Zammit, tana aktar tagħrif dwar dan il-ftehim.
“Issa bi ftehim u wara ħafna tentattivi biex ningħaqdu mas-Società Filarmonica Nazionale La Valette, biex aħna niġu fis-Soċjetà u hekk inkunu fi Strada Rjali, il-post fejn jixraqlu radju tal-komunità Beltija, ilħaqna dan il-ftehim fejn huma offrewlna s-sede, aħna nxandru minn hawnhekk, huma jagħmlu l-parti tagħhom, ikollhom il-ħin tagħhom fuq l-istazzjon u jwasslu l-vuċi tagħhom ukoll bħala Soċjetà.”

Ma jistax jonqos li bi studios ġodda, RadioCity kif ukoll Radju La Valette ħejjew skeda mżewwqa ta’ programmi varjati, li wieħed anki jista’ jsegwi online permezz tal-live streaming:
“Mis-Società Filarmonica Nazionale La Valette, għandhom programmi ta’ marċi, ta’ kultura u oħrajn li fihom jiġu intervistati bosta nies. Nista’ ngħid il-programmi kollha. Bħala RadioCity imexxu programmi kemm ta’ informazzjoni u mużika biex nolqtu l-gosti ta’ kulħadd.”
Fi kliem il-President tas-Soċjetà, Jonathan Grima, din kienet kisba importanti għaliha, kemm minħabba l-fatt li l-banda bħalissa ma tistax issemma leħinha kawża tal-pandemija u anki biex twessa’ l-vuċi tagħha 3 snin qabel anniversarju importanti għaliha.
“Is-Soċjetà qed taħseb għall-festi tal-150 sena, ħa jkollna festi ċentinarji kbar bħalma jixirqilha Società Filarmonica Nazionale, u b’din is-sistema ta’ radju tal-komunità Beltija nistgħu nxandru l-affarijiet li qed isiru minna u minn għaqdiet oħra tal-Belt Valletta.”
It-tnedija ta’ din il-kollaborazzjoni, li anki ġie fis-seħħ b’kuntratt quddiem nutar pubbliku, saret fi tmiem konferenza tal-aħbarijiet is-Sibt filgħodu li fiha l-istudios ġew imbierka mill-Arċipriet tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl, il-Kan, David Cilia.
