Futbol Sport

Rebħa storika għal Żejtun Corinthians

(Ritratt: Joe Borg)

Matthias Mizzi

Birkirkara…………………..2
Żejtun C………………………3


Birkirkara: A. Guarnone, E. Pepe, P. Mbong (H. Caio 68’), R. Briffa, K. Zammit, Y. Yankam, F. Falcone, C. Attard, C. Bonanni, M. Carniello (L. Montebello 74’), A. Da Paixao
Żejtun C. : C. Cassar, D. Albanese, L. Moriera, D. Agius (E. Herrera 64’), D. Reid (G. Bugeja 90’), M. Pereira, C. Grech, J. Gomes Junior, R. Faria, N. Tabone, A. De Barros
Referee: Philip Farrugia
Assistenti Referees: Alan Camilleri u Mark Ciantar

Tasal l-ewwel rebħa storika fil-Kampjonat Premier għal Żejtun C. u jkompli l-bidu diżastruż għal Birkirkara, fejn wara 4 logħbiet għadhom bla rebħa.

Fil-bidu tal-partita Birkirkara joħorġu tajjeb permezz ta’ azzjoni mibdija minn Paul Mbong li jagħti pass lejn Roderick Briffa iżda dan tal-aħħar ifalli milli jikkonkludi. Sitt minuti biss wara, xutt minn barra ‘l kaxxa ta’ Yannick Yankam ġie salvat tajjeb minn Cassar, madankollu 11-il minuta wara  Żejtun C.  jiftħu l-iskor permezz ta’ xutt fil-baxx bix-xellug minn Gomes Junior Fernando. Kienet biss minuta wara li Birkirkara jġibu l-iskor indaqs permezz ta’ ġirja tajba minn fuq il-lemin ta’ Da Paxiao Alves li bi kross insidjuż jegħleb għal kollox lil Cassar. Reazzjoni għal dan il-gowl żewġ minuti wara Żejtun jerġgħu jmorru fil-vantaġġ minn gowl tajjeb ta’ Silva Faaria Ricardo. Fi 30 minuta pass insidjuż lejn Da Paxiao jsarraf f’penalty li madankollu l-plejer inkarigat Yannick Yankam ifalli milli jġib l-iskor indaqs. Kien biss ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima li Yankam Yannick iwaqqa tajjeb lil Alex De Paxio biex jegħleb lil Cassar mill-kaxxa ż-żgħira.

Fil-bidu tat-tieni taqsima Żejtun baqgħu bl-istess ritmu fejn saħansitra Claudio Bonanni jolqot il-lasta fit-48 minuta wara kross fil-baxx minn Tabone. Birkirkara jippruvaw  imorru aktar fuq l-offesniva fejn  Federico Falcone jolqot il-mimduda wara daqqa ta’ ras tajba. Żejtun ikunu wkoll sfortunati fil-71 minuta wara kross fil-baxx mis-sostitut Herrera, David Kemar isibha diffiċili biex jikkonkludi mill-kaxxa ż-żgħira. Il-partita kompliet bl-istess ritmu b’azzjonijiet kemmxejn perikolużi miż-żewġ naħat sa meta l-Brażiljan ta’ Żejtun C. Gomes Junior isib ruħu waħdu fil-kaxxa u ma jiżbaljax milli jikkonkludi tajjeb fl-anglu biex jitfa’ liż-Żejtuniżi f’delirju ta’ ferħ fl-ewwel rebħa għal dan l-istaġun.