Coronavirus Lokali Saħħa

Skont it-tobba dan hu “infurzar falz”

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) fi stqarrija nnotat n-numri rekord ta’ każijiet ta’ COVID-19 akkumpanjati minn żieda ta’ persuni fl-isptarijiet. It-tobba saħqu li dan se jwassal għal aktar persuni fi bżonn ta’ kura intensiva u mwiet li dalwaqt se jsegwu. Huma saħqu li “sfortunatament il-poplu Malti għad irid jara l-agħar ta’ din il-pandemija.”

It-tobba saħqu li “l-attitudni tal-Gvern ta’ ‘business as usual‘ u l-illużjoni ‘falza’ ta’ normalità, li qed jitkellem dwarha l-Prim Ministru, wasslu għal rekord wara rekord ta’ każijiet.” Huma saħqu li kemm is-saħħa tal-poplu Malti kif ukoll l-ekonomija sofrew bil-kbir minħabba dawn l-iżbalji.

Il-MAM qalet li qed tilqa’’ wħud mill-miżuri mħabbra lbieraħ filgħaxija, li b’mod ġenerali rriflettew dak li ilha tinsisti fuqhom sa minn Awwissu. Madankollu saħqu li jibqgħu xettiċi ħafna u mhux konvinti dwar ir-rieda tal-Gvern biex jinforza dawn il-miżuri.

It-tobba fakkru fil-“miżuri foloz” bħal tal-crisps fil-bars u każini fejn qalu li dawn aġixxew bħala superspreaders tal-virus. “Ebda infurzar, flimkien ma’ multi “foloz” u maħfra ta’ multi wasslu għal avvenimenti tal-massa regolari f’żoni bħal Paceville u l-Belt Valetta.” Il-MAM qalet li l-għeluq ta’ stabbilimenti ta’ dan it-tip fil-11.00pm mhu se jkollu l-ebda impatt, filwaqt li n-numru baxx ħafna ta’ 800 multa ma jawgurax tajjeb. “Sfortunatament it-tnejn jirriflettu li l-Gvern fir-realtà mhux lest li jinforza.” komplew it-tobba.

Il-MAM qalet li l-miżura ta’ ttestjar minimu fl-ajruport kienet miżura oħra ‘falza’, li jfisser li possibilment mijiet ta’ każi ta’ Coronavirus qed jiġu Malta kull ġimgħa u jibqgħu ma jinstabux. “Għandhom jiġu introdotti testijiet obbligatorji fuq il-passiġġieri kollha li ma jkollhomx ċertifikat qabel il-wasla tagħhom f’pajjiżna.”

L-Assoċjazzjoni tat-tobba qalet li qed tilqa’ l-introduzzjoni ta’ maskri obbligatorji hekk kif sa issa l-ilbies tal-maskri fuq il-post tax-xogħol kien obbligatorju biss għal ħaddiema f’kuntatt mal-pubbliku. Huma saħqu li “din il-miżura ‘falza’ kienet qarrqet b’eluf ta’ ħaddiema fl-uffiċċji u fil-fabbriki biex ma jilbsux maskri fuq ġewwa. Sal-lum 90% tal-impjegati f’Malta ma kellhom l-ebda obbligu li jilbsu maskri ġewwa. “Wara numru diżastruż ta’ każijiet ta’ COVID-19 fil-postijiet tax-xogħol, jidher li din it-taħwida issa tista’ tiġi rranġata.

Il-MAM talbet għal iktar ‘teleworking’ filwaqt li saħqet li dan huwa l-aħħar ċans għall-poplu Malti “għax wara kollox huwa l-poplu Malti biss li jista’ jagħti tama f’din is-sitwazzjoni.”

It-tobba temmew jgħidu li jekk dawn il-miżuri jfallu ma jkun baqa’ l-ebda għażla ħlief lockdown u curfews kif ġara fi Spanja, Franza u r-Renju Unit.