“Tajjeb li kulħadd japprezza li l-Baġit li se jkun qed jitressaq għada mill-Ministru tal-Finanzi hu Baġit differenti mis-soltu fis-sens li se jkun qed jitfassal fi żminijiet straordinarji u mhux tas-soltu. “Dan ifisser li daqstant ieħor il-Gvern fil-Baġit ta’ għada jrid ikollu soluzzjonijiet u tweġibiet straordinarji wkoll.”
Dan qalu l-Ekonomista Jean Paul Fabri meta intervistat minn il-mument dwar il-Baġit li l-Gvern mistenni jressaq għada.
JP Fabri spjega li hu importanti ħafna naraw ir-realtà u l-kuntest li dan il-Baġit se jkun qed jitressaq fih.
Għandna l-kuntest ekonomiku miġjub mill-pandemija. Jiġifieri din hi l-akbar riċessjoni internazzjonali li qed naraw fejn qed naraw għadd ta’ pajjiżi weqfin u allura dan se jħalli impatt fuq l-ekonomija globali u wkoll fuq dik Maltija.
Il-pandemija qed iġġib ukoll realtà mhux biss fuq il-kumpaniji, imma anki fuq il-konsumaturi. Dan għaliex hemm element ta’ biża’, element ta’ inċertezza minħabba li ħafna mill-attivitajiet soċjali mhumiex isiru u għalhekk dawn il-fatturi qed ikollhom impatt negattiv.
Kumpaniji qed jaffaċċjaw diffikultajiet kbar
Irrid ngħid li kumpaniji u setturi sħaħ li jiddependu fuq dawn l-attivitajiet qed ikollhom jaffaċċjaw diffikultajiet kbar. Meta qed ngħid dan għandi f’moħħi r-ristoranti, l-industrija tat-turiżmu, l-akkomodazzjoni u s-settur tar-retail.
F’dan l-ambjent il-Baġit għandu l-ewwel nett jara kif se jipproteġi s-saħħa tal-poplu, imma mbagħad, wisq aktar, jara kif se jipproteġi lill-ekonomija, isostniha f’dawn il-mumenti diffiċli b’numru ta’ miżuri li jidħlu fis-seħħ minn issa.
Il-Gvern irid jibni ekonomija li tiflaħ għall-isfidi ta’ għada fejn id-dinja ta’ għada se tkun differenti minn dik tal-lum u fejn numru ta’ pajjiżi oħrajn, huma wkoll għaddejjin minn din l-esperjenza u allura ma nistgħux nitilfu ċ-ċans u ż-żmien biex nagħmlu dan kollu.
Għalija l-Baġit għandu żewġ funzjonijiet. Fl-immedjat irridu nsostnu u ngħinu lill-ħaddiema u lill-intrapriżi tagħna. Allura l-iskemi fejn insostnu l-pagi, l-iskemi fejn insostnu r-renta kif ukoll skemi oħrajn li diġà kien ħabbar il-Gvern bħall-aċċess għall-finanzjar tan-negozji, mhux biss jitkomplew, imma jitwessgħu biex jilħqu aktar intrapriżi.
Li se jiġri fl-2021 hu li ferm aktar intrapriżi minn numru ta’ setturi differenti se jibdew iħossu l-impatt ekonomiku tal-Covid-19.
Għalhekk il-Gvern għandu l-obbligu li jsalva l-impjiegi, in-negozji, imma fl-istess ħin jgħinhom biex itejbu l-operat tagħhom u jkunu aktar preparati biex iħarsu lejn il-futur.
Fuq livell soċjali l-Baġit għandu jkompli jgħin l-aktar nies vulnerabbli fis-soċjetà. Rajna fl-aħħar snin li l-problemi soċjali żdiedu fil-pajjiż. Dan għaliex it-tkabbir ekonomiku li rajna ma laħaqx lil kulħadd fl-istess ħin.
Il-pagi ma żdidux bl-istess rata li kibret l-ekonomija u għalhekk hemm numru akbar ta’ familji li huma fir-riskju tal-faqar u għalhekk ir-responssabbiltà ekonomija tal-Gvern hi biex tidħol u toffri sostenn lil dawn il-familji fil-bżonn.
Lejn ħames dimensjonijiet importanti
Element importanti ieħor hu li l-Gvern jinvesti llum fl-ekonomija ta’ għada. Dan l-investiment fl-opinjoni tiegħi għandu ħames dimensjonijiet.
Ninvestu aktar fit-teknoloġija. Irridu naraw soċjetà diġitali fejn kulħadd jista’ jinqeda fiċ-ċirkostanzi straordinarji li għexna fihom fl-aħħar xhur.
Mhux biss hu importanti li jkollna aċċess għas-servizzi pubbliċi, imma għandna bżonn sistema li s-Servizz Pubbliku kollu jibqa’ jaħseb u jattwa s-servizzi tiegħu b’mod u bi proġetti diġitali.
Eżempju klassiku hu kif firem diġitali kif ukoll il-possibbiltà li applikazzjonijiet ma jkunux jirrikjedu s-sottomissjoni ta’ kopji ta’ dokumenti maħruġa mill-Gvern stess.
Fattur ieħor importanti hu t-talent. Hu importanti li ninvestu mhux fl-edukazzjoni ta’ wliedna, imma tal-poplu kollu.
Irridu naraw mhux biss il-bini ta’ skejjel, imma wisq aktar naraw kurrikulu li jkun jirrifletti l-bżonnijiet tal-pajjiż fis-snin li ġejjin.
Malta għad għandha rata għolja ta’ early school leavers meta mqabbel mal-medja Ewropea, kif ukoll rata baxxa ta’ studenti li jiggradwaw fix-xjenza, fit-tekonoloġija u l-inġinerija.
Għandna bżonn ukoll investiment ħolistiku fis-settur edukattiv li hu s-sisien tal-ekonomija tagħna kif ukoll l-aqwa arma jew għodda biex negħlbu l-problemi ta’ faqar u l-problemi soċjali.
Pilastru ieħor hu dak li nsejjaħ transizzjoni. Dan ifisser li l-ekonomija u s-soċjetà Maltija għandhom jaqbdu t-triq u l-mudell ekonomiku li jpoġġi l-ambjent fiċ-ċentru ta’ dan il-mudell. Malta għandha obbligi internazzjonali fuq l-emissjonijiet kif ukoll obbligu morali lejn il-poplu fejn irridu nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja.
Nafu li l-kwalità tal-ħajja tiddependi ħafna mill-ambjent ta’ madwarna u għalhekk bħala pajjiż irridu nagħmlu din il-qabża ta’ kif inħarsu u nipproteġu l-ambjent.
Nafu wkoll li dan ma jeskludix it-tkabbir ekonomiku, anzi nafu wkoll li s-settur ambjentali f’dan it-tiġdid u ħarsien ambjentali, jista’ hu wkoll joħloq il-ħolqien tal-ġid u l-ħolqien tal-impjiegi.
Pilastru ieħor hu t-trasformazzjoni ekonomika. Dan il-pajjiż mill-Indipendenza lil hawn, mexa fuq strateġija ekonomika ta’ trasformazzjoni u diversifikazzjoni.
Rajna setturi ġodda jitwaqqfu minn gvernijiet differenti u llum għandna ekonomija diversifikati b’setturi bħas-servizzi finanzjarji, manifattura, il-qasam marittimu u tal-avjazzjoni, turiżmu, il-gaming u s-settur tat-teknoloġija. Irridu naraw kif se nkomplu niddiversifikaw dawn is-setturi li diġà għandhom preżenza f’pajjiżna.
Kif insaħħuhom u mhux innaqqsu l-importanza tagħhom kif ukoll se noħolqu niċeċ ekonomiċi ġodda fil-pajjiż.
Il-ħames u l-aħħar pilastru hu li rridu naraw kif se nkomplu ntejbu l-kwalità tal-prodott u tas-servizz Malti. Dan jinkludi wkoll l-elementi tal-governanza tajba, is-saltna tad-dritt, l-infurzar kif ukoll l-infrastruttura inġenerali tal-pajjiż. Sfortunatament ġejna mdorrija fejn inħarsu lejn il-kwantità. Irridu bħala pajjiż nagħmlu sforz akbar biex niffukaw ferm aktar fuq il-kwalità.
Ekonomija li diġà kienet qed tbatti
Tajjeb ngħidu li l-ekonomija kienet diġà bdiet tbatti minn qabel il-Covid-19. Lejn l-aħħar tal-2019 l-ekonomija, għalkemm kompliet tikber, kienet qed tikber b’rata inqas mgħaġġla minn qabel.
Hu veru li kellna rata ta’ tkabbir ekonomiku għolja u b’saħħitha, imma jekk inħarsu lejn kif dan il-ġid ekonomiku kien qed jitqassam, insibu li kienu l-azjendi permezz ta’ profitti li kien qed joħolqu dan il-ġid milli l-pagi tal-ħaddiema.
Kellna wkoll fenomenu ta’ influss qawwi ta’ ħaddiema barranin li wkoll ikkontribwew għat-tkabbir ekonomiku u bin-nefqa tagħhom kabbru d-domanda tas-swieq tar-retail u tal-propjetà, fost l-oħrajn.
Iżda rajna wkoll li dawn il-ħaddiema, partikularment f’numru ta’ setturi, kellhom l-effett li l-paga medja ma komplitx togħla għax kienu lesti li jaħdmu għal paga baxxa jew minima.
Dan fisser li fl-ekonomija l-pagi ma għolewx kemm verament kellhom bżonn, jogħlew, u allura dan ikollu effett soċjali li qed nitkellmu fuqu fejn allura qed naraw aktar familji fil-bżonn jew fir-riskju tal-faqar.
Hemm bżonn li naraw li l-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna verament jinbena fuq il-valur tal-inklussività u b’dimensjoni soċjali. Nemmen li l-Gvern hu konxju ta’ din ir-realtà għax min-numru ta’ kummenti li l-Gvern ta fuq il-Baġit ta’ għada, qed jindika li numru ta’ miżuri se jkunu mmirati lejn id-dimensjoni u r-ruħ soċjali.
Bilanċ bejn l-immedjat u l-futur
Dan għandu jkun Baġit fejn jinstab bilanċ importanti lejn l-immedjat u l-futur. Irridu niftakru l-kuntest straordinarju li qed ngħixu fih. Irridu naraw Baġit li juża l-immedjat, u allura l-investiment fin-negozju u fl-infrastruttura, fis-saħħa u fl-edukazzjoni kif ukoll investiment ambjentali biex l-ewwel nett jistimula l-attività ekonomika fix-xhur li ġejjin bl-iskop aħħar li juża dawn l-investimenti biex nilħqu l-milja tagħna bħala pajjiż fil-futur billi niġġeddu u nibnu ekonomija li mhux biss tkompli toħloq il-ġid u l-impjiegi, imma tkun tiflaħ għall-isfidi ta’ għada u li tkompli tattira lejn xtutna l-investiment barrani.
Għalhekk tkellimt fuq l-importanza fuq it-titjib tal-kwalità fl-oqsma ta’ governattiv u istituzzjonali li tul dawn l-aħħar żminijiet kienu taħt skrutinju internazzjonali. Nemmen li l-Gvern flimkien ma’ esponenti tal-industrija, għandhom tabilħaqq joħolqu pjan fl-immedjat biex flimkien mhux biss ngħidu li qed insolvu numru ta’ kwistjonijiet, imma nuru li fil-fatt pajjiżna qiegħed jimplimenta u jattwa dawn il-miżuri.
//= $special ?>