Internazzjonali

Brexit: Il-bieb mhux magħluq għat-taħditiet kummerċjali

Michael Gove, Ministru ewlieni fil-Kabinett Britanniku, qal li l-bieb ‘għadu imbexxaq’ għal taħditiet bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ ftehim kummerċjali ġdid għal wara Brexit. Madankollu, Gove insista li dan isir possibbli biss ‘f’każ li l-UE iċċedi ftit’ fil-pożizzjonijiet li qed iżżomm dwar ċerti oqsma.

In-negozjati bejn Londra u Brussell jinsabu f’paraliżi fost id-diżgwid dwar l-issues ta’ kompetizzjoni ġusta u kwistjoni tas-sajd. Fil-fatt, fi tmiem il-ġimgħa kien hemm indikazzjonijiet sostanzjali mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru Britanniku li ‘it-taħditiet ( mal-UE) kienu sfumaw’.

Min-naħa tiegħu, Gove ħalla miftuħa l-possibbiltà li t-taħditiet ikomplu iżda, waqt intervista mal-BBC , qal li l-Unjoni Ewropea teħtieġ tħaffef il-proċess tan-negozjati waqt li toffri kundizzjonijiet aħjar lir-Renju Unit.

Dan meta l-UE qalet li filwaqt li tinsab lesta ‘biex tintensifika’ it-taħditiet ma’ Londra, mhix lesta biex tidħol fi ftehim kummerċjali mar-Renju Unit ‘għal kwalunkwe prezz’.

Intant, l-organizzazzjonijiet kummerċjali qegħdin iħeġġu biex il-Gvern Britanniku jikkonċentra fuq inizjattivi li jsolvu d-differenzi tiegħu mal-UE. Huma qed jinsistu li ‘ftehim kummerċjali għal wara Brexit huwa kruċjali biex jgħin lir-Renju Unit jirkupra mill-effetti diżastrużi tal-Covid-19’.