Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: 142 każ ġdid – ifiqu 52

Jiżdied il-piż qawwi fuq is-sistema tas-saħħa ta’ pajjiżna kawża tal-imxija insistenti tal-Covid-19 bl-aħħar ġimgħa tara żieda ta’ 947 każ ġdid.

Dan wara li fuq il-paġna ta’ Saħħa tħabbar li fl-aħħar 24 siegħa fil-Gżejjer Maltin ġew irreġistrati 142 każ ġdid ta’ Covid-19 bil-każi attivi jiżdiedu għal rekord lokali ta’ 1,351.

Minn Marzu s’issa t-total ta’ każi pożittivi ta’ Coronavirus jammonta għal 4,845.

Bejn is-Sibt u l-Ħadd fiequ 52 persuna sabiex it-total ta’ persuni mfejqa żied għal 3,436.

Skont kif maħruġ mill-Ministeru għas-Saħħa mill-204 każi mħabbra tul il-jum tas-Sibt; 46 persuna kienu qraba ta’ persuni li ttestjaw pożittiv preċedentament, 18-il każ minn fuq il-post tax-xogħol, 3 każi minn Paceville, 9 każi oħra li kellhom kuntatt dirett ma’ persuni pożittivi, u 4 każi minn attivitajiet soċjali.

Dan ifisser li 124 mill-każi mħabbra s-Sibt ma kellhomx idea minn fejn setgħu ġew infettati.

Dan filwaqt li l-vittmi ta’ Covid-19 f’pajjiżna huma 45.