Futbol Sport

Disa’ gowls f’logħba spettakolari

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Chris Cassar

SWIEQI……………5

PIETA………………4

Swieqi: E. Gatt, M. Attard (I. Micallef 65’), J. Magri Overand (S. Elfarsi 80’), J. Micallef, S. Ibrahim (KW Micallef 80’), AD. Schembri Wismayer, M. Ivanovic, A. Shaw (K. Muscat 65’), C. Cutajar, F. Temile (J. Willy 58’), J. Azzopardi

Pieta: J. Chircop St. John, S. Okoh, L. Cassar Jackson, JJ Pace, N. Pace Cocks, J. Ghio (G. Borg 77’), D. Segura (S. Pisani 77’), C. Bouvet, N. Pisani, J. Lucas Caetano, J. Scicluna

Referee: Emanuel Grech

Skorers: Neil Pace Cocks 2’ (P), Diego Segura 20’ (P), A. Shaw 29’ (S), A. Schembri Wismayer 42’ pen (2), S. Ibrahim 50’ (S), J. Scicluna 53’ (P), S. Ibrahim 64’ pen (S), K. Muscat 69’ (S), J. Scicluna 83’ (P)

Karti sofor: J. Azzopardi 15’, JL Caetano 43’, S. Ibrahim 57’, Neil Pace Cocks 63’

Karta ħamra: Neil Pace Cocks 65’

Wara li kienu żewġ gowls minn taħt fil-bidu tal-ewwel taqsima, Swieqi rnexxilhom idawwru l-logħba biex kisbu tlett punti f’logħba ferm missielta, mimlija azzjonijiet, li rat xejn anqas minn 9 gowls u tkeċċija.

Kienu Pieta’ fetħu l-iskor wara biss żewġ minuti logħob grazzi għal freekick mill-isbaħ ta’ Neil Pace Cocks minn barra l-kaxxa l-kbira, u għalkemm il-gowlkiper Gatt deher jinxteħet fuq in-naħa t-tajba, ix-xutt kien b’saħħtu wisq biex jilqgħu. Pieta’ rduppjaw il-vantaġġ tagħhom fl-20 minuta, meta minn freekick angolat minn barra l-kaxxa l-kbira ta’ James Scicluna, Diego Segura sab ir-rokna tax-xibka f’xutt fil-baxx li ma ta l-ebda ċans lil gowlkiper Gatt.

Swieqi daħlu fil-partita fid-29 minuta, meta Andrew Shaw ittanta xortieh minn distanza konsiderevoli b’xutt mill-isbaħ, li għadda minn fuq il-gowlkiper Chircop St John li nqabad barra minn postu u spiċċa fir-rokna tax-xibka. Huma rnexxielhom jiksbu l-gowl tad-draw tlett minuti qabel il-mistrieħ, meta Ibrahim Salis deher jitwaqqa’ fil-kaxxa minn Scicluna, bir-referee jsaffar għal penalty. Mill-ħdax-il metru, Alan David Schembri Wismayer ma falliex.

Swieqi marru fil-vantaġġ ftit minuti wara l-bidu tat-tieni taqsima, b’daqqa ta’ ras ta’ Salis Ibrahim fuq kross ta’ Jeremy Micallef, li ma tat l-ebda ċans lid-difiża ta’ Pieta’. Swieqi ma tantx damu jgawdu dan il-vantaġġ, għaliex tlett minuti biss wara, James Scicluna seraq ballun minn barra l-kaxxa, għadda tajjeb minn qalb id-difiża avversarja u kkonkluda fir-rokna tax-xibka.

Fit-62 minuta, Lesley Cassar Jackson deher jgħolli saqajh b’mod perikoluż fil-kaxxa u jolqot lil Joseph Willy, bir-referee jsaffar għal penalty. Mill-ħdax-il metru, Salis Ibrahim xeħet fix-xibka. Neil Pace Cocks deher jipprotesta mar-referee kemm qabel l-għoti tal-penalty u anke wara, u fi spazju ta’ ftit minuti, intwera żewġ karti sofor. Deher jitkeċċa wkoll uffiċjal minn fuq il-bank ta’ Pieta. Fid-69 minuta, Swieqi komplew kabbru l-vantaġġ b’daqqa ta’ ras tas-sostitut Kurt Muscat fuq korner ta’ Schembri Wismayer.

Pieta naqqsu d-distakk seba’ minuti mit-tmiem permezz ta’ James Scicluna, li qabeż lid-difensuri ta’ Swieqi, inkluż il-gowlkiper, u kkonkluda fix-xibka minn angolatura ferm diffiċli. Dan il-gowl ġie tard wisq u ma kienx biżżejjed biex Pieta jirnexxielhom jiksbu punt minn din il-partita.