Futbol Sport

Draw bejn Hibernians u Valletta

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Jordi Farrugia

HIBERNIANS………………..1

VALLETTA……………………1

Hibernians: M. Calleja Cremona, F. Apap, L. Almeida, C. Uzeh (D. Vella 45’), J. Grech, J. Degabriele, B. Kristensen, G. Izquier, H. Shodija (C. Zammit 90’), A. Agius, W. Teixeira

Valletta: H. Bonello, J. Caruana (S. Dimech 17), T. Caruana, S. Malano (R. Fenech 76’), E. Pena Beltre, J. Zerafa, T. Marukawa, E. Sala, R. Muscat, D. Aguirre (M. Alba 68’), M. Fontanella

Referees: M. Spiteri

Assitant referees: A. Camilleri, C. Francalanza

Imwissija: C. Uzeh (H), E. Pena Beltre (V), H. Bonello (V), J. Zerafa (V), E. Sala (V), G. Izquier (H)

Skorjaw: T. Marukawa (V), J. Grech (H)

Fil-partita tal-ġimgħa Hibernians u Valletta temmew fi draw ta’ 1-1. Valletta kellhom il-kontroll tal-ballun fl-ewwel sekondi tal-partita iżda l-ewwel tentattiv wasal mingħand Hibernians permezz ta’ Jurgen Degabriele bix-xutt tiegħu minbarra l-kaxxa jgħaddi barra mil-lasti ta’ Bonello. Valletta setgħu ħolqu periklu lejn il-lasti ta’ Calleja Cremona meta minn azzjoni maħduma b’mod tajjeb fuq il-lemin minn kross fil-baxx, il-konklużjoni ta’ Malano kienet blokkata fil-ħin minn Agius. Fis-16-il minuta, il-kowċ Jesmond Zerafa kien sfurzat jagħmel l-ewwel sostituzzjoni meta l-captain Jonathan Caruana deher li ħass xi uġiegħ fl-għaksa biex minfloku daħal iż-żagħżugħ Shaun Dimech.

Fit-28 minuta, Valletta ngħataw freekick minn pożizzjoni tajba wara li Uzeh iffawlja lil Malano. Triston Caruana nkariga ruħu mill-freekick li għadda ftit għoli mil-lasti ta’ Calleja Cremona. Valletta kienu għal darb’oħra perikolużi fil-35 minuta meta minn pass tajjeb ta’ Marukawa l-konklużjoni angolata ta’ Dimech kienet imblokkata mill-gowlkiper ta’ Hibernians.

Valletta fetħu l-iskor fid-39 minuta meta minn pass ta’ Shaun Dimech, kien TAISEI MARUKAWA li ra l-konklużjoni angolata tiegħu devjata għal ġewwa. Valletta ħarġu fuq l-offensiva fit-tieni taqsima u fis-46 minuta l-konklużjoni ta’ Fontanella kienet salvata faċilment minn Calleja Cremona.

Hibernians kellhom ċans tajjeb li jġibu d-draw fit-46 minuta meta minn azzjoni tajba bejn Grech u Izquier, il-kross minn fuq ix-xellug tal-istess Izquier sab lil Degabriele waħdu fil-kaxxa bil-konklużjoni fil-baxx tiegħu tgħaddi barra. Fil-50 minuta x-xutt mid-distanza ta’ Rowen Muscat xellef mal-mimduda u għadda barra.

Hibernians ingħataw penalty fil-61 minuta meta l-gowlkiper Henry Bonello waqqa’ lil Jake Grech fil-kaxxa. Minn ħdax-il metru l-istess GRECH ma żbaljax biex għamilhom 1-1. Hibernians kellhom ċans tajjeb li jmorru fil-vantaġġ fis-66 minuta meta minn korner ta’ Kristensen Agius niżżel bir-ras lejn Apap bil-konklużjoni mill-viċin tiegħu tkun devjata f’korner. Fis-67 minuta, Hibernians għal darb’oħra viċin t-tieni gowl meta minn pass fit-tul, Degabriele ra x-xutt tiegħu jgħaddi jħakkek mal-wieqfa.

Fid-89 minuta minn kross ta’ Zerafa, d-daqqa ta’ ras ta’ Fontanella għaddiet barra biex minuta biss wara minn pass bir-ras ta’ Kristensen lejn Degabriele ra l-konklużjoni fil-baxx tiegħu tkun savlata minn Bonello biż-żewġ timijiet ikollhom jikkuntentaw b’punt kull wieħed.