Internazzjonali

Franza: Aktar arresti fil-każ tal-għalliem imbiċċer f’suspettat attakk terroristiku

Il-Pulizija Franċiża fl-aħħar sigħat wettqet arrest ieħor – il-ħdax il-wieħed – meta l-awtoritajiet qegħdin ikomplu jinvestigaw l-omiċidju ta’ għalliem tal-istorja li spiċċa b’rasu maqtguħa waqt suspettat attakk minn militanti Iżlamiku.

Il-qtil brutali ta’ Samuel Paty – li seħħ fil-lejl tal-Ġimgħa f’Conflans Sainte-Honorine, barra Pariġi,– ħalla lill-pajjiż ixxukkjat u fl-aħħar sigħat saru diversi attivitajiet biex isellmu lill-memorja tal-għalliem ta’ 47 sena.

Fost il-gruppi li ħejjew l-attivitajiet f’Pariġi kien hemm persuni involuti mal-ġurnal satiriku Charlie Hebdo, li l-uffiċini tiegħu, ħames snin ilu, kienu sfaw mira ta’ attakk terroristiku qattiel.

Samuel Paty kien spiċċa attakkat u maqtul barra l-iskola tiegħu. L-aggressur tiegħu kien Russu ta’ 18-il sena – ta’ oriġini Ċeċena – li spiċċa maqtul hu wkoll mill-pulizija li wieġbu minnufih għall-emerġenza.

Aktar kmieni fix-xahar, l-għalliem kien wera karikaturi tal-Profeta Mohammad (il-fundatur tal-Islam) lill-istudenti tiegħu waqt li kien qed jgħallimhom dwar id-dritt tal-espressjoni ħielsa. Qed jingħad li l-istil tat-tagħlim kien irrabja lil numru ta’ ġenituri ta’ studenti Musulmani, li r-reliġjon tagħhom jipprojbixxi kull tip ta’ tpinġija tal-Profeta.

Hu minnu wkoll li, qabel l-attakk fatali, Paty kien spiċċa mira ta’ attakki bil-kliem fuq il-mezzi tal-media soċjali.

Sadanittant, il-Gvern Franċiż qed jitratta l-qtil brutali tal-għalliem bħala attakk fuq il-valuri tal-pajjiż. U waqt li l-politiċi minn kull qasam tal-ispektrum politiku attendew l-attivitajiet ta’ tifkira għal Paty fiċ-ċentru ta’ Pariġi, l-Uffiċċju tal-President Emmanuel Macron ikkonferma li nhar l-Erbgħa, il-vittma se jkun onorat b’’avveniment ( ta’ tifkira) nazzjonali’.

Il-Prim Ministru Franċiż, Jean Castex, qal li l-Gvern tiegħu qed jaħdem fuq strateġija intiża biex tipproteġi aħjar lill-għalliema mit-theddid. Hu qal li ‘it-traġedja tal-għalliem taffettwa lil kwalunkwe Franċiż għaliex l-attakk għandu jitqies daqslikieku wieħed dirett fuq ir-Repubblika’.

Wara l-attakk tal-Ġimgħa, spiċċaw arrestati erba’ qraba tal-aggressur flimkien ma’ ħames persuni oħra, li jinkludu l-missier ta’ wieħed mill-istudenti ta’ Paty. Raġel ieħor arrestat kien diġà ‘magħruf mas-servizzi sigrieti ta’ Franza’, bl-għaxar persuna tinżamm, nhar is-Sibt, biex tgħin l-istħarriġ tal-pulizija. Ma ngħataw l-ebda dettalji dwar ‘il-ħdax-il persuna’ li spiċċat taħt arrest proprju llum – bl-aħħar rapporti jgħidu li l-President Macron kien qed iħejji laqgħa tas-sigurtà, f’Pariġi, mal-Ministri tal-Kabinett.