Lokali

Ikompli jonqos id-distakk bejn iż-żewġ partiti

Fl-aħħar xahar, minn meta l-Partit Nazzjonalista eleġġa lill-Kap il-ġdid Bernard Grech, naqas sew id-distakk bejn iż-żewġ partiti politiċi ewlenin, li kieku l-elezzjoni ġenerali kellha ssir għada.

Dan ħareġ minn stħarriġ magħmul mill-Istatistiku Vincent Marmara għal gazzetta ppubblikata l-Ħadd. Stħarriġ li wera kif mill-aħħar xahar, id-distakk bejn iż-żewġ partiti naqas b’madwar 13,000 – minn madwar 53,000 għal madwar 40,000 vot.

Fil-fatt, meta mqabbel mal-istħarriġ ta’ Settembru, il-Partit Nazzjonalista żied tliet punti perċentwali fl-appoġġ – minn 39 fil-mija għal 42 fil-mija – filwaqt li l-Partit Laburista naqqas tlieta fil-mija.

Minn stħarriġ wara l-ieħor magħmula minn Marmara, joħroġ ċar kif fl-aħħar xhur, kien innutat tnaqqis fl-appoġġ lill-Partit Laburista u żieda fl-appoġġ lill-Partit Nazzjonalista.

Dawn iċ-ċifri juru x-xejra pożittiva li għaddej minnha l-Partit Nazzjonalista fl-aħħar ġimgħat, kif espress ukoll fiż-żieda sostanzjali tal-aħħar jiem fit-Tesserament ġdid fil-Partit.