Lokali

Il-Budget għandu jħares lejn it-tkabbir ekonomiku filwaqt li jipproteġi lill-vulnerabbli

“Il-Baġit ta’ għada li se jressaq il-Gvern għandu jħares lejn id-diversi aspetti possibbli biex ikabbar l-ekonomija tal-pajjiż. Madankollu fl-istess ħin għandu jagħmel minn kollox biex jipproteġi lill-vulnerabbli.

“Il-Baġit ta’ għada ma jistax jinjora diversi xenarji li għandna f’pajjiżna. Ix-xenarju tal-Covid-19. Ix-xenarju ta’ ħaddiema b’nuqqas ta’ dħul. Ix-xenarju ta’ familji li m’għandhomx dħul biżżejjed biex iwasslu sal-aħħar tax-xahar. Ix-xenarju tal-faqar u ta’ aktar nies fir-riskju tal-faqar. Ix-xenarju ta’ ambjent dejjem jitkisser.

“Jalla l-Gvern ikun kapaċi jagħmel Baġit li jtejjeb tassew il-kwalità ta’ ħajja li qed jgħixu n-nies f’pajjiżna għaliex finalment kulħadd għandu d-dritt li jgħix ħajja b’dinjità u li jagħti lil uliedu l-aħjar li jista’.

Dan qalu t-Trejdunjonista Gejtu Vella meta intervistat minn il-mument dwar il-Baġit li l-Gvern mistenni jressaq għada filgħaxija.

Gejtu Vella beda biex qal li hu jistenna Baġit li jkun ekonomikament sostenibbli u li jħares primarjament lejn żewġ fatturi – lejn it-tkabbir ekonomiku u li jipproteġi lin-nies vulnerabbli.

Aktar minn 82,000 fir-riskju tal-faqar

Sfortunatament illum għandna madwar 82,000 persuna li huma fir-riskju tal-faqar. Dawn huma ta’ problema għall-Gvern, iżda problema nazzjonali u għalhekk jeħtieġ li din il-problema tkun indirizzata llum qabel għada.

Mistoqsi fil-Baġit ta’ għada hu x’qiegħed jistenna anki invista ta’ dak li jgħid il-Prim Ministru regolarment li pajjiżna qiegħed fit-triq it-tajba, Gejtu Vella fisser li l-Gvern għandu jwieżen b’mod effettiv primarjament lil dawn il-familji fir-riskju tal-faqar b’mod finanzjarju biex hekk jevita lil dawn il-familji milli jkomplu jġorru waħidhom dan il-piż li qiegħed jesponihom għar-riskju tal-faqar.

Fir-rigward tas-sitwazzjoni dinjija, il-Gvern għandu jara li mhux biss jgħin b’inċentivi lil dawk il-ħaddiema kollha fil-bżonn billi jagħtihom suppliment fil-paga, imma lil madwar 100,000 persuna oħra li sal-lum għadhom ma rċevew l-ebda għajnuna supplimentari. Dawn ukoll huma ħaddiema li sfortunatament huma meqjusa bħala ħaddiema tat-tieni klassi.

Il-Covid-19 qed toħloq problemi serji

Mistoqsi x’inhi l-analiżi tiegħu dwar il-kwistjoni Covid-19 u kif din qed taffettwa lill-ekonomija ta’ pajjiżna, Gejtu Vella qal li hi sfortuna kbira li matul ix-xhur li għaddew, esponenti ewlenin, fosthom il-Prim Ministru u anki d-Deputat Prim Ministru, kienu qed jibagħtu messaġġi kontrastanti li wasslu biex minflok il-poplu b’mod inġenerali fehem il-ħtieġa li din hi marda serja ħafna, f’pajjiżna l-poplu ħaseb li din hi marda trivjali. Tant li filwaqt li fil-bidu l-marda stajna deherna li qed negħlbuha, illum qed jirriżulta li l-marda qed tegħlibna hi. Dan għaliex il-messaġġ tal-Prim Ministru b’mod partikulari kien li l-mewġ qiegħed fil-baħar.

Mistoqsi dwar il-fatt li l-Covid-19 mhix biss tħalli effetti negattivi fuq livell ta’ mard, imma anki fuq livell ta’ telf ta’ impiegi u dħul anqas għall-ħaddiema u l-familji, Gejtu Vella fisser li filwaqt li jidher li ntilfu eluf ta’ impjiegi, wieħed irid iżomm f’moħħu wkoll li eluf ta’ ħaddiema oħra tilfu eluf ta’ sigħat ta’ sahra u eluf ta’ sigħat ta’ xogħol minħabba ġimgħat ta’ xogħol imnaqqsa.

Allura għandna fil-pajjiż eluf ta’ ħaddiema li qed jaħdmu ġimgħa ta’ xogħol imnaqqsa… min qiegħed jaħdem ġimgħa ta’ erbat ijiem u min qiegħed jaħdem ġimgħa ta’ tlett ijiem.

Dan ifisser li bosta ħaddiema u dipendenti tagħhom qiegħed ikollhom dħul anqas u allura l-kwalità tal-ħajja tagħhom fl-aħħar xhur marret lura.

Naturalment meta familja jkollha anqas dħul, allura l-effetti jkunu negattivi u ma jħallihiex tagħmel ċertu nfieq saħansitra fuq ċerti neċessitajiet bażiċi.

Pajjiżna għaddej minn sitwazzjoni straordinarja

Spjega wkoll li l-Baġit ta’ għada għandu jindirizza din is-sitwazzjoni straordinarja billi jkun Baġit straordinarju. Dan billi wieħed japprezza u jieħu f’kunsiderazzjonijiet id-diversi proposti li saru mill-imsieħba soċjali, kif ukoll mid-Dokument ta’ Qabel il-Baġit li ħejja l-Partit Nazzjonalista biex finalment ikun aċċertat li jkun hemm l-aħjar proposti għall-Baġit ’21. Dawn iridu jkunu proposti konkreti li jolqtu l-akbar firxa possibbli ta’ nies fis-soċjetà.

Dan ma hux il-mument ta’ partiġjaniżmu. Allura dan hu l-mument fejn il-pajjiż irid jaħdem b’mod kollettiv.

Mistoqsi dwar il-fatt li l-Gvern dejjem ftaħar li għandu l-ekonomija sejra tajjeb, dan ifisser li allura għandu biex iwieżen lil din l-akbar firxa ta’ nies fis-soċjetà. Gejtu Vella rrisponda li ġaladarba l-ekonomija tal-pajjiż hi waħda tajba, allura l-Gvern illum għandu jagħmel tajjeb għal dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji billi b’mod effettiv jieħu dawk il-passi kollha biex jipproteġi kemm lill-industrija u lill-ħaddiema tagħha, kif ukoll lil dawk in-nies l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Issa ma hux iż-żmien tad-diskors iżda ż-żmien tal-azzjoni.

Mistoqsi dwar il-fatt li like with like, illum meta paragunat ma’ bħal-lum sena għandna bejn 16,000 u 18,000 ħaddiem barrani anqas fis-suq tax-xogħol Malti, Gejtu Vella qal li dan hu punt importanti ħafna. Sfortunatament il-Gvern Laburista bejn pjan ekonomiku mibni fuq l-importazzjoni tal-ħaddiema barranin, b’mod partikulari ħaddiema li ġejjin mis-suq tat-tielet dinja b’pagi baxxi tant li waqqgħu wkoll ir-rati ta’ pagi tal-ħaddiema Maltin.

Ħtieġa ta’ 10,000 ħaddiem fis-sena

Sal-bidu ta’ din is-sena, Clyde Caruana li kien iservi fil-JobsPlus u sal-bieraħ kien iċ-Chief of Staff f’Kastilja għax issa se jkun fil-Parlment, kien qed jgħid li Malta kellha bżonn 10,000 ħaddiem ieħor barrani biex l-ekonomija tkompli tikber. Dan ifisser li llum minħabba l-Covid-19 numru minnhom telqu lura lejn pajjiżhom, iżda sfortunatament għaliex ma għandniex industriji tajbin li għandhom dak li jissejjaħ il-valur miżjud aħjar u allura jħallu pagi aħjar, il-ħaddiema Maltin spiċċaw f’sitwazzjoni ferm diffiċli minħabba dak li ħadd ma kien qiegħed jobsor kawża tal-effetti tal-Covid-19.

Mistoqsi kif il-Baġit ta’ għada jrid jindirizza l-iżvilupp fis-suq tax-xogħol, Gejtu Vella qal li fl-opinjoni tiegħu l-Gvern, b’mod immedjat, irid jibda jfittex oqsma ġodda fejn jattira kumpaniji li jkollhom il-valur miżjud. Dan biex ħaddiema Maltin ikollhom l-opportunitajiet ta’ impjiegi tajbin.

Mistoqsi dwar il-fatt kif dan jista’ javvera ruħu invista tal-fatt li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna fl-aħħar snin ħadet daqqa ’l isfel, Gejtu Vella qal li sfortunatament mhux il-Covid-19 tefgħet l-ekonomija ta’ pajjiżna lura, iżda dawk l-avvenimenti kollha li seħħew fis-snin preċedenti meta l-Gvern Laburista ppermetta diversi skandli li wasslu biex pajjiżna tilef il-kredibbiltà tiegħu.

B’tekonoloġija fejn illum l-aħbar tixtered madwar id-dinja f’tebqa t’għajn, dak li kien qiegħed jiġri f’pajjiżna fl-aħħar snin inxtered mad-dinja kollha fi ftit tal-ħin. Dan wassal biex ir-reputazzjoni tajba ferm li kienet inbniet matul is-snin ta’ qabel u li kienet qed tgħin lil pajjiżna jattira numru ta’ kumpaniji fil-qasam finanzjarju jersqu lejn pajjiżna, dawn issa bdew iħarsu lejn pajjiżna b’suspetti qawwija.

Ir-reputazzjoni ta’pajjiżna tħammġet wisq

Mistoqsi dwar x’inhi t-triq ’il quddiem, Gejtu Vella qal li l-ewwel ħaġa li trid issir hi dik li nnaddfu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Din trid issir aktar minn kull ħaġa oħra. Ħadd mhu se jiġi jinvesti f’pajjiżna jekk jara u jifhem li pajjiżna m’għandux il-kredenzjali meħtieġa ta’ pajjiż serju.

Mistoqsi x’inhuma fl-opinjoni tiegħu s-setturi l-oħrajn li l-Baġit ta’ għada għandu jindirizza, Gejtu Vella qal li fil-fehma tiegħu l-ambjent għandu jkun fost is-setturi indirizzati b’mod effettiv u mingħajr tnikkir.

Dan il-pajjiż hu żgħir u sabiħ, imma fl-aħħar snin għamilna minn kollox biex irrovinajna mhux biss iċ-ċentri tal-ibliet u l-irħula, imma anki l-pajsaġġ Malti. Dan kollu b’detriment kemm għalina u anki għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Hu qal li hu jipproponi li d-deċiżjonijiet li jittieħdu jkunu sostenibbli fis-sens li proprjetajiet antiki għandhom ikunu rinnovati u mhux imwaqqa’ biex hekk dawn iżommu l-karatteristiċi tagħhom.

Għall-mistoqsija dwar kif lill-ambjent tajnieh bis-sieq wisq, Gejtu Vella qal li l-ispekulaturi rikbu lill-awtoritajiet. Ma jagħmilx sens li anki istituzzjonijiet governattivi li suppost iħarsu l-ambjent, jispiċċaw huma wkoll joħorġu ċerti permessi li jqanqlu ħafna mistoqijiet.

L-imsieħba soċjali għandhom rwol kruċjali

L-imsieħba soċjali għandhom funzjoni mill-aktar importanti f’dan il-kwadru kollu. Sa issa diġà ressqu diversi proposti utli ħafna u għandhom ikomplu jsegwu biex jassiguraw li dawk l-istess ħsibijiet ikunu riflessi għada fid-diskors tal-Baġit.

Min-naħa tiegħu l-Partit Laburista għandu għal darba oħra l-opportunità li juża d-dokument li ressaq il-Partit Nazzjonalista li fih ħafna proposti validi dwar diversi suġġetti u hekk jutilizzahom għall-vantaġġ tal-pajjiż u tas-soċjetà inġenerali.

Ma nara xejn ħażin li l-Partit fil-Gvern jieħu u jagħmel tiegħu proposti utli li jkunu ġejjin mill-kamp oppost u li minnhom tgawdi s-soċjetà inġerali.