Il-Partit Nazzjonalista hu partit ta’ azzjoni u dak li ma jkunx qed jagħmel il-Prim Ministru, se jkun qed jagħmlu l-Partit Nazzjonalista fil-mument opportun.
Din il-wegħda għamilha l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li kien intervistat fuq NET Television mill-preżentatur tax-Xandir tal-Istat Quinton Scerri, fejn tenna li l-Partit mhux se jaqta’ qalbu mill-isfidi li se jsib quddiemu, tant li jrid jasal sad-destinazzjoni politika tiegħu.
Lejlet il-preżentazzjoni tal-Budget għas-sena d-dieħla, Bernard Grech spjega li l-Partit Nazzjonalista jrid ekonomija ta’ kwalità u aktar diversifikata. Fosthom billi tissaħħaħ l-Ekonomija l-Ħadra (Green Economy), li tgħinna ngħixu f’ambjent aħjar.
Dan għall-kuntrarju għall-politika tal-Gvern Laburista, li għażel li jibbaża l-Ekonomija tal-pajjiż fuq pilastru wieħed biss – iż-żieda fil-popolazzjoni.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li kien intervistat fuq NET Television mill-preżentatur tax-Xandir tal-Istat Quinton Scerri.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu kburi li hu Malti, iżda jħoss li għandna bżonn nerġgħu nibnu mill-ġdid isem pajjiżna għall-glorja li kien igawdi minnu qabel l-2013. Bernard Grech tenna li jrid pajjiż ta’ kwalità.
Bħala l-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li qed iħoss li żdied sew id-dinamiżmu fil-Partit kollu, fosthom anke fil-Grupp Parlamentari. Qal li hu konvint li l-Partit se jibqa’ jgawdi minn din il-mewġa pożittiva.
Mistoqsi dwar ir-relazzjoni mal-eks Kap Adrian Delia, Bernard Grech qal li għandhom relazzjoni tajba, filwaqt li insista li jrid jibqa’ jarah ikompli jaħdem fil-Partit għax tenna li jara l-valur f’kulħadd.
Dwar is-sehem aktar qawwi tan-nisa fil-politika, il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista tenna l-proposta tiegħu li, minn wara l-elezzjoni ġenerali li ġejja, il-Partit ikollu Viċi Kap mara jekk il-Kap ikun raġel jew viċi-versa … ħalli mill-kliem nibdew ngħaddu għall-fatti.
Bernard Grech qal li jinkwieta meta jara Prim Ministru li qed jinħeba mill-problemi tan-nies u li mhux jieħu d-deċiżjonijiet. Dan fuq diversi setturi, fosthom dwar il-pandemija tal-Coronavirus, fejn kellu jindirizza l-problemi qabel ma dawn ħarbulu minn idejh.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li fis-Sajf, il-Gvern ta’ Robert Abela daħħal f’moħħu li l-pandemija għaddet u għalhekk, spiċċa ma għamel xejn, fost l-oħrajn għall-isfidi li qed niffaċċjaw illum fl-Edukazzjoni.
Dwar l-immigrazzjoni, Bernard Grech fakkar fil-Konferenza Nazzjonali dwar l-Immigrazzjoni u l-Popolazzjoni li se jkun qed jorganizza l-Partit Nazzjonalista. Konferenza li s’issa Robert Abela qed juri li ma jridx jappoġġjaha.
Kompla li, minħabba li isem pajjiżna tħammeġ madwar id-dinja kawża tal-korruzzjoni tal-Gvern, l-Unjoni Ewropea m’għadhiex tieħodna bis-serjetà u għalhekk il-Gvern m’għandux is-saħħa politika li jiddiskuti.
Minflok, il-Partit Nazzjonalista jrid jindirizza l-problema tal-immigrazzjoni irregolari mis-sors tagħha, jiġifieri minfejn joriġinaw l-immigranti u mhux sempliċiment minfejn jibdew il-vjaġġ lejn l-Ewropa.
//= $special ?>