Lokali

“Is-sitwazzjoni bħalissa f’pajjiżna hija inkwetanti” – President George Vella

Is-sitwazzjoni bħalissa ġewwa pajjiżna hija inkwetanti – sitwazzjoni li qed toħloq tħassib, inkwiet, u ansjetà fis-setturi kollha tal-poplu Malti u Għawdxi.

Sostna dan il-President tar-Repubblika ta’ Malta George Vella fi stqarrija uffiċjali fejn spjega li kif mistenni l-pandemija tal-Covid-19 reġgħet refgħet rasha fl-Ewropa, inkluż f’Malta, u qed iddur fostna – bin-numri ta’ nies milquta dejjem jiżdiedu.

Il-President insista li dan seħħ minkejja d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Għaldaqstant il-Kap tal-Istat qal li sitwazzjoni bħal din, li tħalli impatt kemm fuq is-saħħa fiżika kif ukoll dik mentali, soċjali u ekonomiċi, għandha twassalna sabiex ilkoll bħala poplu niġbdu ħabel wieħed.

Filwaqt li saħaq li japprezza s-sagrifiċċji li qed iwettaq il-poplu, u l-ħidma sfieqa tal-frontliners, inkluż l-edukaturi li ddeskrivihom bħala persuni li l-impjieg tagħhom qed iġibhom wiċċ imb’wiċċ mar-riskju li jieħdu l-virus – il-President preċiża jgħid li, ankè minħabba l-isfond mediku li ġej minnu, qed jinkwetawh ħafna l-persuni vulnerabbli – li fi kliemu, raw ħajjithom tinqaleb ta’ taħt fuq.

Il-President George Vella ta l-kondoljanzi lill-qraba li tilfu lill-għeżież tagħhom kawża ta’ din il-pandemija, filwaqt li wassall messaġġ ta’ kuraġġ lill-poplu u appellalu sabiex iġedded id-determinazzjoni tiegħu biex jiġġieled lil din it-theddida.

Il-President George Vella jawgura li l-awtoritajiet f’pajjiżna jirnexxilhom isibu dak il-bilanċ delikat li filwaqt li jħares saħħet il-poplu, fl-istess ħin jassigura wkoll it-tiġdid ekonomiku ta’ pajjiżna.