Futbol Sport

Jirreżenja l-President ta’ Floriana Riccardo Gaucci

Il-President ta’ Floriana Riccardo Gaucci ħabbar ir-riżenja tiegħu f’messaġġ qawwi li fih ikkritika lill-awtoritajiet tal-pajjiż għal burokrazija u dewmien esaġerat li wasslu biex il-klabb ilu snin jipposponi proġett importanti ta’ investiment.

Gaucci nnota li żewġ Segretarji Parlamentari responsabbli għall-Isport taw Letter of Intent lill-klabb u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru bagħat xejn inqas minn 15-il ‘draft contract’ iżda sa issa ma mmaterjalizza xejn.

Innota kif, meta l-klabb kien wasal biex jiffirma l-kuntratti, il-Gvern minflok ħoloq kummissjoni li tieħu ħsieb il-kummerċjalizzazzjoni tal-faċilitajiet sportivi, u l-klabb ħela sentejn oħra.

Gaucci qal li dan kollu juri li l-awtoritajiet qed jgħaddu biż-żmien lill-isport lokali u, konsegwenza ta’ dan, il-Kumitat immexxi minnu ma setax iwettaq il-proġetti li kellu, ikun finanzjarjament stabbli u jissaħħaħ kif ippjanat biex javvanza anke fl-Ewropa.

Fi stqarrija ma’ Times of Malta, Gaucci jiddikjara li l-argument tiegħu jirrifletti dak li għaddejjin minnu l-klabbs lokali kollha. Qal ukoll li issa wasal iż-żmien li jgawdi l-familja wara dawn is-snin pożittivi f’Malta.