West Ham United salvaw dro inkredibbli, 3-3, kontra Tottenham Hotspur wara rimonta stupenda fejn irnexxielhom jiskurjaw tliet darbiet, bejn it-82 u l-94 minuta, f’waħda mill-aktar derbies ta’ Londra eċċitanti għal ħafna snin.
Tottenham niżlu għal din il-logħba f’The New White Hart Lane bħala wieħed mill-aktar tims li kienu qegħdin juru forma tajba qabel il-waqfa tal-Premier League għal-logħob internazzjonali. Intant, huma ma setgħux ikollhom bidu aħjar meta fl-ewwel minuta, SON HEUNG-MIN irċieva mingħand Harry Kane biex sab ir-rokna tax-xibka b’xutt qawwi.
Il-gowl ħasad bil-kbir lil West Ham u Spurs irduppjaw erba’ minuti wara meta Son bidel il-ballun ma’ HARRY KANE li mill-ġdid għeleb lil Fabianski fil-lasta tal-Hammers. It-tielet gowl għal Tottenham kien fl-ajru u fis-16-il minuta, Sergio Reguilon għadda ballun perfett lil KANE li mill-ġdid ma żbaljax b’daqqa ta’ ras mill-viċin.
Il-logħba minn dak il-ħin dehret mirbuħa u mitlufa, b’Tottenham jamministraw il-vantaġġ għall-kumplament tal-ewwel taqsima u fejn waslu wkoll viċin li jżidu l-iskor fit-tieni 45 minuta,b’tentattiv ieħor ta’ Kane iħakkek mal-lista.
L-impossibbli imbagħad sar possibbli, bir-rimonta twila tal-Hammers tibda fit-82 minuta meta FABIAN BALBUENA naqqas id-distakk bir-ras fuq il-kross ta’ Aaron Cresswell. Il-gowl ta nifs ġdid lil West Ham u tliet minuti wara Davinson Sanchez ikkommetta awtogol klassiku biex fetaħ il-logħba beraħ u bil-Hammers jixħtu kollox fuq l-attakk fl-aħħar minuti prezzjużi.
Intant – u wara li s-sostitut Gareth Bale falla li jagħmilhom erba’ għal Spurs b’azzjoni personali – wasal il-mument maġiku għall-Hammers, meta – wara taħwida waqt sitwazzjoni ta’ set-piece – il-ballun spiċċa f’saqajn MANUEL LANZINI li minn barra l-kaxxa venven ġmiel ta’ xutt fis-saqaf tax-xibka minkejja t-tentattiv iddisprat ta’ Lloris biex isalva.
Sheffield United u Fulham spiċċaw fi dro ieħor, 1-1, fi Bramall Lane – bis-sostitut tal-Blades, BILLY SHARP, isalva punt għat-tim tiegħu wara li kkonverta penalty, tard fil-logħba.
Fulham, sa dak il-ħin, kienu qed jidhru aktar avventurużi u kienu huma li fetħu l-iskor fis-77 minuta, b’ADEMOLA LOOKMAN — li kien qed jiddebutta għall-Cottagers — isib ix-xibka ta’ Ramsdale wara azzjoni personali.
Aktar qabel, Aleksandar Mitrovic kien tilef penalty għal Fulham u l-istess attakkant ta’ Fulham, fil-85 minuta, spiċċa jikkommetti fawl fil-kaxxa fuq Jack Robinson — bir-referi isaffar il-penalty fuq deċiżjoni tal-VAR u li kien skurjat minn Sharp għall-1-1 finali.
Id-dro ifisser li Sheffield United u Fulham it-tnejn kisbu l-ewwel punt tal-istaġun wara li kienu tilfu l-ewwel erba’ konfronti tal-kampjonat.
Crystal Palace u Brighton kienu involuti fit-tielet dro, 1-1, tal-ġurnata f’Selhurst Park, bl-Eagles jiksbu vantaġġ bikri wara għaxar minuti meta WILFRIED ZAHA skorja mill-ħdax il-metru – bil-penalty jingħata għall-fawl fil-kaxxa ta’ Tariq Lamptey fuq Michy Batshuayi.
Minn dak il-ħin, il-logħba kienet kważi kollha ta’ marka ‘Brighton’ iżda s-Seagulls kellhom jistennew sad-90 minuta għall-gowl tad-dro meta s-sostitut ALEXIS MacALLISTER skorja b’first-timer fuq is-suġġeriment ta’ Aaron Connolly. Intant, Brighton spiċċaw din il-logħba b’għaxar plejers wara t-tkeċċija tad-difensur Lewis Dunk fil-ħin miżjud.
//= $special ?>