Internazzjonali

Nagorno-Karabakh: Il-battalji jkomplu… minuti wara ftehim għall-għajnuna umanitarja

L-Armenja u l-Ażerbajġan akkużaw lil xulxin bil-ksur ta’ ftehim għal waqfien mill-ġlied li ntlaħaq għal raġunijiet umanitarji fiz-zona tal-gwerra ta’ Nagorno-Karabakh.

Il-ftehim kien intlaħaq tard fil-lejl tas-Sibt, iżda ftit wara, kelliem għall-Ministeru tad-Difiża tal-Armenja qal li l-Ażerbajġan kien kiser il-ftehim bl-isparar ta’ missili u balal tal-artillerija.

Intant, l-Ażerbajġan wieġeb li l-Armenja ‘fetħet bumbardament feroċi’ fuq il-pożizzjonijiet tal-qawwiet tagħha. Dan wara li ż-żewġ eks Stati Sovjetiċi kienu ffirmaw il-patt li suppost kellu jagħti ftit tan-nifs lir-residenti ta’ Nagorno-Karabakh – bil-battalji, imbagħad, ikomplu minkejja l-ftehim.

Kemm l-Armeni kif ukoll l-Ażeri, qabel, kienu konfermaw l-aħħar ftehim fuq bażi umanitarja, iżda l-ebda naħa ma provdiet id-dettalji.

Kelliema għall-Gvern tal-Ażerbajġan qalu li d-deċiżjoni għall-ftehim ibbażat fuq l-istqarrijiet tal-Presidenti tal-Istati Uniti, Franza u r-Russja li jirrappreżentaw l-OSCE Minsk Group – entità li ilha mwaqqfa mill-1992 u li qed titmexxa minn dawn it-tliet pajjiżi li huma medjaturi fil-konflitt ta’ Nagorno-Karabakh.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Armenja, fl-istess ħin, tenna li ‘kellu jilqa’ kull inizjattiva li tnaqqas mit-tensjoni u l-ġlied fir-reġjun’ — iżda kollox qed jidher li l-battalji rrankaw mill-ġdid, ‘fost il-vittmi ġodda fuq iż-żewġ naħat’

It-Tmexxija Armena, intant, insistiet li ‘din hi t-tieni darba li l-Ażerbajġan kiser ftehim għal waqfien mill-ġlied’ u li l-Armenja ‘se tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex tberred is-sitwazzjoni u biex tinforza l-miżuri mal-art’.

L-Ażerbajġan qed isostni li l-qawwiet tal-Armenja kienu bumbardjaw il-belt ta’ Jabrayil ‘immedjatament wara l-ftehim li kellu jippermetti għal azzjonijiet umanitarji’. L-Ażeri komplew li huma impenjati għall-ftehim iżda, fl-istess ħin ‘jirriservaw id-dritt għall-kontro-miżuri biex jipproteġu liċ-ċivili u l-pożizzjonijiet tagħhom’.

Il-fażi ġdida tal-gwerra għall-kontroll ta’ Nagorno-Karabakh ilha għaddejja mix-xahar li għadda u meta hi karatterizzata mill-agħar vjolenza fir-reġjun miż-żmenijiet tal-‘gwerra ta’ sitt snin’ dwar l-istess territorju li ntemmet fl-1994 bi ftehim għall-waqfien mill-ġlied.