Lokali

“Ngħid li pajjiżna kellu suċċess fil-kontroll tal-pandemija” – Robert Abela

1, 578. Dawn huma l-każi pożittivi ta’ Covid-19 li feġġew matul dan ix-xahar biss wara li l-Prim Ministru Robert Abela ftit qabel il-bidu tas-sajf kien qal lill-poplu biex joħroġ igawdi għax il-virus tal-Covid kien warajna.

Iżda waqt attività tal-Partit Laburista fl-Imdina, il-Ħadd filgħodu, quddiem udjenza ta’ ‘l fuq minn 100 persuna , fejn ċertament spikka n-nuqqas tal-Ministru għas-Saħħa u Deputat Prim Ministru Chris Fearne, Abela insista li l-Gvern tiegħu kkontrolla b’suċċess il-pandemija.

Lejliet wieħed mill-aktar budgets importanti fl-istorja ta’ pajjiżna fl-isfond ta’ pandemija li ilha taħkem lill-Gżejjer Maltin għal dawn l-aħħar 7 xhur, Robert Abela ddeskriva l-budget bħala wieħed li ser ikun qed jagħti serħan il-moħħ – tama u kuraġġ – bit-tema tas-serħan tal-moħħ żgur li ma spikkatx fl-aħħar xhur, fejn bosta esperti, unjons u imsieħba soċjali saħqu li l-Gvern ta’ Robert Abela injora għal kollox l-appelli tagħhom waqt li l-piż fuq is-settur tas-saħħa kien qed jiżdied ġimgħa wara oħra. Minflok, Abela uża l-istess retorika tax-xhur u l-ġimgħat preċedenti u ddeskrivhom bħal “min irid idaħħal il-biża’”

Dan filwaqt li Abela ħabbar ukoll li fil-Budget għall-2021 mistenni jħabbar tqassim ieħor ta’ set vouchers – miżura proposta mill-Partit Nazzjonalista meqjusa bħala waħda ta’ suċċess għan-negozji tul l-aħħar xhur.

Mistoqsi dwar l-immigranti, il-Prim Ministru ammetta li żdiedu n-numru ta’ ħaddiema barranin – u saħaq dwar l-importanza ta’ dawn il-ħaddiema fil-qasam tax-xogħol – minkejja li jum wara l-ieħor Abela stess insista li Malta full up.

Tkellem ukoll il-Ministru għall-Infrastruttura u Trasport Ian Borg fejn meta mistoqsi dwar is-Central Link – proġett infrastrutturali f’Ħ’Attard  ta’ kontroversja kbira b’diversi residenti u bdiewa affettwati minnu – huwa kkwota lil Duminku Mintoff u saħaq li ma jiddejjaqx jirfes kallijiet.

Għal kuntrarju ta’ Borg, għall-Edukazzjoni ma ġiex msejjaħ jitkellem l-Ministru Owen Bonnici, li spikka wkoll in-nuqqas tiegħu tul din l-attività, iżda oħt il-mara ta’ Robert Abela, s-Sindku ta’ Bormla, Alison Zerafa Civelli li tat x’tifhem li l-poplu ghandu jkun grat lil Gvern li tul il-pandemija l-edukazzjoni baqgħet b’xejn.

 “Huwa f’dan iż-żminijiet diffiċli li naprezzaw, nfissru u nispjegaw, x’jigifieri edukazzjoni b’xejn għal uliedna…..Il-ġenituri…ma ħalsu xejn extra biex uliedhom setgħu imorru lura l-iskola”

Dan filwaqt li, fl-isfond tal-appelli tal-Unjins tal-Għalliema, hija saħqet li post it-tfal huwa fl-iskola mhux biss għat-tagħlim akkademiku.

“jitgħallmu jieħdu ħsieb tagħhom nfushom fuq kollox…..f’ambjent aktar difficli minn qatt qabel”