Atletika Sport

Prestazzjoni pożittiva mill-atleti Maltin fil-Kampjonati Dinjija tan-Nofs Maratona

L-atleti Maltin għelbu kull sfida possibli u għamlu unur għall-pajjiżna fil-Kampjonati Dinjija tan-Nofs Maratona fil-Polonja bi prestazzjonijiet mill-aqwa.

Kienet ġurnata memorabbli għal Joelle Cortis, omm ta’ tlieta, li rritornat għall-kompetizzjonijiet internazzjonali mat-tim Malti wara 11-il sena, li kisbet l-aħjar ħin persoanli ta’ 1:19.28, titjib ta’ aktar minn minuta fuq il-ħin preċedenti tagħha. Lisa Bezzina, dejjem konsistenti fil-prestazzjonijiet tagħha kellha prestazzjoni formidabbli li saħansitra spiċċat bi sprint kontra r-rivali tagħha minn Ċipru. Hija temmet in-Nofs Maratona f’ħin ta’ 1:18.43.

Fit-tellieqa tal-irġiel, Stefan Azzopardi u Charlton Debono ġrew għal 15-il km flimkien, sakemm Debono, li għandu esperjenza sostanzjali fil-kamp internazzjonali – b’tal-lum ikun it-tielet Kampjonat Dinji għalih – iżid fir-ritmu fl-aħħar fażi tat-tiġrija.  Debono temm it-tellieqa f’ħin ta’ 1:08.51, l-aqwa ħin għalih dan l-istaġun u t-tieni l-aqwa fil-karriera f’rotta uffiċjali. Azzopardi temm f’1:09.18, li kien l-aħjar ħin personali għalih.