Lokali

Robert Abela jerġa’ jikkonferma li tilef id-direzzjoni

Iserraħ rasu li f’pajjiżna mietu anqas milli ħaseb bil-Covid-19

Għal darb’oħra, Robert Abela kkonferma li minħabba fil-politika tiegħu ta’ business as usual u minkejja l-pariri tal-Unions tat-Tobba u l-Infermieri, Unions tal-Għalliema, il-korpi kostitwiti u diveri assoċjazzjonijiet li qed jgħidulu li sforz l-arroganza tieghu biex igawdi s-Sajf, tilef il-kontroll tas-sitwazzjoni u serraħ rasu li f’pajjiżna mietu anqas milli ħaseb bil-Covid-19.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista li minbarra dan, Robert Abela jrid inessi li fis-seba’ snin tal-Labour, li matulhom hu kien Konsulent u jattendi l-Kabinett, pajjiżna kellu influss ta’ kwazi 80,000 immigrant li nġiebu biex jaħdmu għax mexa fuq politika tal-ekonomija qabel il-persuni.

Issa Robert Abela qed jintilef fi propaganda politika fqira mingħajr ma joffri s-soluzzjonijiet li jridu l-Maltin u l-Għawdxin. Robert Abela faċli jingħata aktar tagħrif dwar dawn in-numri għax seħħew fi żmien Clyde Caruana, li f’dawn il-jiem jidher li se jingħata promotion minn Chief of Staff ta’ Abela għal Membru Parlamentari u Ministru.

Dwar il-Budget, Robert Abela jrid iħares lil hinn minn soluzzjonijiet immedjati biss u jrid jippreżenta pjan aktar fit-tul li jrid iwasslu għal trasformazzjoni tal-ekonomija ta’ pajjiżna billi niddiversifikaw, ninvestu aktar fit-tagħlim u fit-talent, fit-tħaddir tal-ekonomija u fil-governanza tajba.

Iżda Robert Abela aktar moħħu biex isolvi l-problemi interni tal-Partit Laburista u 10 xhur mill-aħħar reshuffle, jidher li qed iħejji reshuffle oħra li tikkonferma kemm dan hu Gvern konfuż li tilef il-boxxla quddiem kriżi li ġabha b’idejh stess.

Pajjiżna jeħtieġ tmexxija serja u kapaċi, li f’mumenti bħal dawn tassew iġib l-interess tal-poplu tagħna fuq quddiemnett. Din it-tmexxija jista’ jtiha biss il-Partit Nazzjonalista, temmet tgħid l-istqarrija.