Lokali Sport Waterpolo

San Ġiljan jirbħu n-knock-out fl-aħħar partita ta’ Paul Fava

Stewart Said

SAN ĠILJAN TUM INVEST……….. 9

NEPTUNES…………………………….. 6

(2-1), (2-2), (3-1), (2-2)

Għas-seba’ darba fl-istorja u l-ħames darba fl-aħħar sitt snin, San Ġiljan TUM Invest kisbu n-knock-out. Għalkemm il-wirja ma kinitx eċċezzjonali, il-Ġiljaniżi għamlu biżżejjed biex għelbu l-isfida denja ta’ Neptunes f’logħba li f’mumenti minnhom spikkaw aktar l-argumenti milli l-logħob milgħuba.

B’hekk San Ġiljan kisbu r-raba’ doppjetta fl-istorja tagħhom u rebħu l-logħbiet kollha fl-istaġun tas-sajf. Din il-logħba kienet speċjali wkoll għal Paul Fava li lagħab l-aħħar logħba fil-karriera tiegħu.

Tul il-konfront, Neptunes ilmentaw diversi drabi fuq id-deċiżjonijiet arbitrali. Għalkemm kienu oppożizzjoni denja, Neptunes tilfu l-konċentrazzjoni f’mumenti importanti hekk kif bdew jitfgħu l-enerġija fi protesti minflok fil-logħba.

San Ġiljan kellhom okkażjoni li jiftħu l-iskor fl-ewwel sekondi tal-logħba iżda Alan Borg Cole salva l-penalty ta’ Dino Zammit. Wara li Jordan Camilleri poġġa lil Neptunes fil-vantaġġ, San Ġiljan dawru r-rizultat b’gowls ta’ Matthew Zammit u Dino Zammit biex minn hemm baqgħu dejjem minn fuq.

Reazzjoni minn Neptunes fit-tieni sessjoni li rkupraw żvantaġġ ta’ 3-1 b’gowls taż-żgħażagħ Sam Gialanze u Jake Muscat. Daqqa ta’ ħarta għal Neptunes żewġ minuti u 40 sekonda mit-tmiem tas-sessjoni meta tkeċċa l-kowċ Jovan Popovic. Il-Montenegrin ma qabilx ma’ deċiżjoni tar-referees u wara li ntwera l-karta s-safra, kompla bil-protesti li wasslu għat-tkeċċija.

San Ġiljan dehru li bdew il-mixja tagħhom lejn ir-rebħa hekk kif Mattias Ortoleva skorja lejn tmiem it-tieni u fil-bidu tat-tielet sessjoni b’Matthew Zammit jagħmilhom 6-3. Muscat naqqas id-distakk iżda reġa’ kien Zammit li ħalla t-tliet gowls distakk.

Neptunes ittantaw jidħlu fil-logħba b’doppjetta ta’ Stevie Camilleri iżda mill-ewwel Matthew Zammit skorja r-raba’ gowl personali u għamel l-iskor 8-6. Andreas Galea ssiġilla r-rebħa lejn it-tmiem.

Fi tmiem il-logħba bdew iċ-ċelebrazzjonijiet ristretti ta’ San Ġiljan minħabba l-Covid-19. Il-President tal-ASA Joe Caruana Curran u Anthony Scicluna f’isem il-BOV ippreżentaw l-unur lil Paul Fava li għolla t-trofew fost il-ferħ ta’ sħabu.

San Ġiljan: J. Tanti, K. Tanti, A. Galea (1), D. Ciantar, M. Mannino, M. Zammit (4), B. Plumpton, J. Bonavia, Z. Micallef, Da. Zammit, P. Fava, Di. Zammit (2), G. Vassallo, M. Ortoleva (2)

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (2), L. Calleja, G. Pace, S. Busuttil, J. Spiteri Staines, S. Camilleri (2), J. Camilleri (1), J. Abela, M. Farrugia, S. Stellini, S. Gialanze (1), B. Busuttil, M. Castillo

Referees: Massimo Angileri, Mario Dalli

WATERPOLO – KO I DIVIŻJONI TAS-SAJF

Doppjetta għal Valletta fl-Ewwel Diviżjoni

VALLETTA IZIBET……………………. 16

MARSASKALA FISH AND FISH…. 6

(3-0), (5-3), (5-2), (3-1)

Valletta IZIBET għalqu l-istaġun bl-aħjar mod possibbli. Huma ddominaw il-finali biex kisbu doppjetta fl-Ewwel Diviżjoni. Din kienet l-ewwel darba li rebħu n-knock-out tal-Ewwel Diviżjoni mill-2013 u r-raba’ darba fl-istorja tagħhom.

Valletta kellhom l-għan li jilagħbu fil-Kampjonat Premier f’dan l-istaġun iżda tal-anqas urew li kienu b’saħħithom wisq għall-Ewwel Diviżjoni. Minkejja li ħarġu fuq in-naħa telliefa, dan kien staġun sodisfaċenti għal Marsaskala li rnexxielhom jaslu sal-finali taż-żewġ kompetizzjonijiet.

It-tim immexxi minn Stephen Rizzo kellu l-għan li jikseb vantaġġ kmieni. Dan għamluh fl-ewwel sessjoni b’gowls ta’ Miguel Zammit, Niki Lanzon u Keith Galea. Id-distakk żdied għal ħames gowls fit-tieni sessjoni, b’Andrea Bianchi protagonist bi tripletta.

Valletta għamlu ċert mir-rebħa kmieni fit-tielet sessjoni b’gowls ta’ Michele Stellini u Daniel Paolella. Huma komplew jikkontrollaw il-logħba u fl-istess ħin iżidu l-vantaġġ, b’Miguel Zammit jispikka b’żewġ backhands mill-isbaħ.

Fi tmiem il-logħba, il-President tal-ASA Joe Caruana Curran u Paul Gauci f’isem il-BOV ippreżentaw it-trofew lill-captain ta’ Valletta Daniel Paolella.

Valletta: R. Sciortino, P. Borg (1), M. Stellini (2), A. Agius (1), R. Mock, D. Paolella (3), A. Bianchi (3), N. Farrugia, M. Zammit (3), K. Galea (2), N. Lanzon (1), T. Micallef

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar (1), A. Camenzuli, P. Privitera (2), M. Aquilina (2), L. Grixti, K. Navarro, M. Manara, L. Felice, G. Galea, R. Attard (1), D. Camilleri, A. Muscat

Referees: Alex De Raffaele, Ronnie Spiteri