Futbol Sport

Sliema jieħdu t-tliet punti minkejja li lagħbu l-maġġoranza tal-partita bi plejer anqas

(Ritratt: Joe Borg)

Jordi Farrugia

Senglea………………..0

Sliema…………………2

Senglea: M. Farrugia, Z. Cassar, A. Abela, F. Aboulezz (I. Misan 45’), K. Atkinson (D. Abela 60’), C. Riascos, A. Scicluna (L. Galea 10’), Z. Matombo (J. Tanti 60’), J. Diwoto, D. Kukic, W. Gomes

Sliema: J. Galea, G. Da Silva (M. Scerri 76’), J. Cisotti, D. Holla (E. Agius 84’), R. Kisil (J. P Farrugia 25’), G. Aquilina (J. Mintoff 84’), A. Linton, A. Cunha, M. Beerman, D. Vukovic, D. Comvalius

Referee: D. Portelli

Assitent referee: T. Debono, J. Muscat

Imwissija: L. Riascos (SA), K. Atkinson (SA), A. Cunha (SW)

Tkeċċew: S. Comvalius (SW), J. Diwoto (SA)

Skorjaw: Gilmar (S), J.P. Farrugia (S)

Sliema Wanderers kisbu tliet punti importanti biex resqu eqreb lejn Ħamrun Spartans fil-quċċata tal-klassifika fejn wara li lagħbu aktar minn 75 minuta bi plejer inqas għelbu lil Senglea Athletic 2-0. F’bidu pjuttost agressiv miż-żewġ timijiet, Sliema bdew jikkontrollaw il-partita bit-tim ta’ Senglea jipprova jopera bil-kontrattakk.

L-ewwel xutt tal-partita wasal fit-8 minuta meta minn cross fil-baxx ta’ Gilmar il-konklużjoni ta’ Vukovic għaddiet għoli mil-lasti ta’ Farrugia. Senglea kienu sfurzati jagħmlu sostituzzjoni wara biss għaxar minuti meta d-difensur laterali Andre Scicluna ma setgħax ikompli l-partita wara injury fil-hamstring biex floku daħal Lee Galea.

(16)Sliema Wanderers kellhom ikomplu l-konfront bi plejer anqas wara li l-attakkant Sylvano Comvalius ntwera’ l-karta l-ħamra wara daħla kerha fuq Kukic. Fit-23 minuta Sliema kienu perikolużi meta l-corner ta’ Gilmar fuq l-ewwel lasta ħasad lil Farrugia.

Ftit sekondi wara Sliema ngħataw penalty meta Kukic waqqa’ lil Gilmar fil-kaxxa u minn ħdax –il metru l-istess GILMAR ma żbaljax. Sliema kellhom ċans jirduppjaw meta fid-29 minuta minn pass minfuq ix-xellug, is-sostitut Jean Paul Farrugia wara li daħal fil-kaxxa ra l-konklużjoni tiegħu tkun salvata b’mod tajjeb mill-gowlkiper ta’ Senglea.

Fit-33 minuta Senglea resqu viċin li jġibu l-iskor indaqs meta minn cross fil-baxx ta’ Matombo, l-konklużjoni ta’ Diwoto kienet devjata fil-ħin għall-corner. Sliema għal darb’oħra perikolużi fis-36 minuta meta minn pass fl-għoli ta’ Gilmar, l-konklużjoni ta’ Farrugia kienet blokkata fil-ħin minn Matthew Farrugia.

Fil-41 minuta, wara azzjoni personali, Jean Paul Farrugia daħal fil-kaxxa iżda għal darb’oħra sab lill-gowlkiper ta’ Senglea attent. Fil-ħin addizzjonali fi tmiem l-ewwel taqsima, ix-xutt ċentrali ta’ Gomes kien salvat faċilment minn Galea. Minkejja li bi plejer inqas, Sliema ħarġu fuq l-offensiva fit-tieni taqsima u minn cross ta’ Vukovic, d-daqqa ta’ ras ta’ Cisotti għaddiet ftit barra. Fit-52 minuta freekick mid-distanza ta’ Gilmar kien imdawwar f’croner b’diffikultà minn Farrugia.

It-tim ta’ Andrea Pisanu rdoppja fl-54 minuta meta wara li rċieva pass mit-tul din id-darba, JEAN PAUL FARRUGIA kkonkluda b’eleganza wara Matthew Farrugia. Jean Paul Farrugia kien għal darb’oħra perikoluż fil-65 minuta meta l-konklużjoni fil-baxx tiegħu kienet salvata. Fis-70 minuta, l-freekick ta’ Cisotti għadda barra. Żewġ minuti wara Gilmar għal darb’oħra fil-qofol tal-azzjoni u wara li ħabba il-ballun ma’ numru ta’ plejers minn pożizzjoni angolata kkonkluda barra. Senglea wkoll temmew il-partita b’għaxara meta fl-injury time Junior Diwoto ntwera’ l-karta l-ħamra wara daħla kerha fuq Edmond Agius.