Budget 2021 Lokali

“Apprezzata l-ġurnata leave, iżda tibqa’ mhux imwettqa l-wegħda li s-sick leave jista’ jintuża meta t-tfal ma jifilħux” – For.U.M

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu għall-budget ippreżentat illejla, il-Forum Unions Maltin (For.U.M.) qal li dan il-budget jagħraf id-diffikultajiet tal-pandemija u li jitkellem dwar iI-kuntest tal-pandemija u dwar kif pajjiżna ser jgħin lill-ħaddiema, lin-negozji u lill-familji fiċ-ċirkustanzi straordinarji li ninsabu fihom.

Il-For.U.M. apprezza l-estensjoni tal-perjodu tal-wage supplement u l-ħruġ mill-ġdid ta’ vouchers. Filwaqt li l-pandemija tassorbi ħafna mill-isforzi li qed isiru, Il-Unions qalu li huwa tajjeb li l-Gvern ikompli jibni fuq inizjattivi passati, fosthom il-ġurnata oħra ta’ btala għall-festi li jaħbtu fil-weekend (li kienet oriġinarjament proposta tal-For.U.M.), għajnuna lill-penzjonanti, persuni b’diżabiltà, persuni li jieħdu ħsieb qraba u aktar skemi bħala parti mill-istrateġija tal-green economy.

Madanakollu l-For.U.M. esprima d-diżappuntat tiegħu għall-fatt li l-wegħda elettorali, li tinsab fil-programm tal-ħidma tal-gvern li biha l-ġenituri jistgħu jużaw parti mis-sick leave meta wliedhom ikunu ma jifilħux, reġgħet ma ssemmietx.