L-MUT tosserva li dan il-Budget huwa wieħed differenti ħafna min-normal minħabba ċ-ċirkustanzi kollha li nqalgħu fl-2020. Il-miżuri ta’ mitigazzjoni għall-pandemija, flimkien ma’ proġetti ta’ titjib tal-infrastruttura fl-iskejjel, jiswew il-flus u jidher li din kienet l-enfażi tal-gvern għal dan il-Budget.
L-MUT temmen, iżda, li l-gvern għandu jħares lil hinn mir-restrizzjonijiet tal-pandemija u jagħti direzzjoni lis-settur flimkien ma’ riżorsi adegwati biex l-edukaturi jkollhom biex jaħdmu. F’dan is-sens, peress li d-diskors tal-Budget kien wieħed limitat rigward l-edukazzjoni, l-MUT ser tkun qed tħares lejn l-estimi dettaljati u diskorsi tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol sabiex tifhem aħjar x’hemm pjanat.
Fi stqarija l-MUT qalet li apparti dan, wieħed ifakkar li filwaqt li l-gvern qiegħed jaħseb dwar soluzzjonijiet ta’ malajr għall-problemi meta dawn jinqalgħu, għandu jaħseb ukoll fit-tul sabiex jittaffew il-problemi serji li għandna fil-qasam.
L-MUT partikolarment tagħmel referenza għall-kriżi ta’ nuqqas ta’ edukaturi, fejn il-union ilha tisħaq is-snin sabiex ikun hemm numru ta’ inċentivi, bħal per eżempju ħalli aktar żgħażagħ jerqsu lejn il-professjoni. Filfatt huwa ta’ dispjaċir li wieħed mill-ftit servizzi li ssemmew fil-baġit u li hu marbut mal-litteriżmu twaqqaf minħabba ċ-ċirkustanzi.
L-MUT tispera li s-sena d-dieħla dan is-servizz, flimkien ma’ oħrajn, mhux talli jerġgħu lura fuq saqajhom imma talli jiġu msaħħa ħalli l-edukaturi jkunu jistgħu jkomplu joffru dawn is-servizzi imprezzabbli.
//= $special ?>