“Dan hu budget ta’ Gvern li għejja u li juri n-nuqqas ta’ viżjoni. Dan hu template ta’ budgets oħra li tfasslu fi żmien normali”.
Hekk qal il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-ekonomija Claudio Grech.
Grech qal li l-imsieħba soċjali kienu qed jitolbu lill-Gvern biex joħroġ bi pjan li jkollu viżjoni fl-isfonda tas-sitwazzjoni reali li għandna.
Madankollu dan huwa budget li jħares biss sa Marzu li ġej u li hu intiz biex iwassal biss sa dakinhar minħabba l-interessi politiċi tal-Gvern Laburista.
Claudio Grech qal li l-attività ekonomika tinħoloq bl-inestiment, iżda li l-messaġġ li jagħti l-Gvern b’dan il-budget hu li għalih l-investiment hu sekondarju, u li għalih hu biss importanti li jasal sa Marzu.
Huwa qal li l-edukaturi u l-ħaddiema tas-saħħa intesew għal kollox minn dan il-Gvern meta dawn huma dawk li qed isalvaw lil pajjiżna f’dawn iż-żminijiet.
Minn naħa tagħha, Kristy Debono, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar is-settur finanzjarju qalet li dan kien budget normali u mhux distint għal dan iż-żmien partikolari. Hi qalet li jidher li l-Gvern ma użax iż-żmien li kellu biex ifassal pjan fit-tul biex jgħin itaffi mill-isfidi li għandu pajjiżna bħalissa.
Debono qalet li mhemmx miżura waħda li se tbiddel il-ħajja tan-nies. Filwaqt li faħħret il-miżura tal-vouchers, li kienet proposta oriġinarjament mid-Deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone, id-Deputat Nazzjonalista qalet li l-budget jonqos għal kollox minn viżjoni li tista’ ssolvi d-diffikultajiet li se jiġu fuq pajjiżna fix-xhur li ġejjin.
Claudio Grech qal li dan il-Gvern sab setturi li ħalla Gvern Nazzjonalista, u ma kienx kapaċi joħloq settur wieħed ġdid. Id-Deputat Nazzjonalista qal li n-nies issa xebgħu u jridu politika li tibni fuq dak li hemm biex jgħid ħajja aħjar.
Iż-żewġ deputati sostnew li d-diskors tar-replika tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech għal dan il-budget nhar it-Tnejn se jagħti risposta ta’ Gvern alternattiv li jemmen verament fil-poplu Malti u fil-kapaċitàjiet tiegħu.
//= $special ?>