Internazzjonali

Brexit: L-Isqfijiet Anglikani qed iwissu dwar l-Internal Market Bill

Il-Mexxejja tal-Knejjes Anglikani wissew lill-Gvern Britanniku li l-abbozz ġdid tiegħu għal Brexit – magħruf bħala l-Internal Market Bill – kapaċi jwassal għal ‘preċedent diżastruż’, bil-possibbiltà ta’ effetti negattivi sinifikanti.

Dan meta l-mexxejja reliġjużi huma inkwetati dwar l-impatt potenzjali li l-leġislazzjoni partikulari jista’ jkollha għall-ftehim storiku  — il-‘Good Friday Agreement’ tal-1998 – li jħoll u jorbot għall-paċi u stabbilità bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda.

L-Arċisqfijiet ta’ York u Canterbury, flimkien mal-Kapijiet tal-Knisja fl-Iskozja, Wales u l-Irlanda, jaqblu li l-Internal Market Bill kapaċi anki jaffettwa ħażin lir-relazzjoni  bejn l-erba’ pajjiżi tar-Renju Unit – f’dan il-każ l-Ingilterra, l-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq.

L-abbozz kontroversjali għandu jippermetti biex jitwarrbu elementi importanti fil-ftehim għal Brexit ( l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea). Fl-istess ħin, l-avversarji tal-abbozz qed jinsistu li dan qed jikser il-liġi internazzjonali waqt li huma determinati li jwaqqfuh jew jisfurzaw l-emendi għall-istess Market Bill.

Filwaqt li d-deputati fil-House of Commons (il-Parlament ta’ Londra), ix-xahar li għadda, ivvutaw bi ħġarhom favur l-abbozz, kulħadd qed jistenna reżistenza għall-Internal Market Bill mingħand il-membri mhumiex eletti tal-House of Lords — fejn il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, mgħandux il-maġġoranza.

Bħalissa, ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea jinsabu fl-eqqel ta’ diżgwid dwar it-termini tal-isħubija ekonomika għall-futur – bit-taħditiet jinsabu staġnati minħabba d-differenzi dwar l-aċċess għaz-zoni tas-sajd u issues tal-kompetizzjoni ġusta.